Wednesday, April 24, 2024

MAFA: Żebbuġ Youngsters u San Ġwann Pro Evolution Academy jibqgħu jirbħu

Aqra wkoll

Żebbuġ Youngsters u San Ġwann Pro Evolution Academy baqgħu jżommu r-rekord perfett tagħhom matul dan l-istaġun ħmistax-il ġurnata qabel il-konfront dirett li jagħlaq l-ewwel rawnd tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA.

Żebbuġ Youngsters ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Żejtun Laċċi bl-iskor ta’ 4-0. L-aqwa skorer tal-kampjonat Joao Orban bħas-soltu kien f’vena mill-aqwa hekk kif skorja hat-trick b’Matthew Bugeja jżid ieħor għat-tim tiegħu.

Referee kien Jason Penza.

San Ġwann Pro Evolution kisbu rebħa ta’ 3-2 fuq Mosta Vikings sabiex irreġistraw is-sitt rebħa staġjonali. Wara li skorjaw tliet gowl fl-ewwel tliet kwarti tal-logħba, Mosta wettqu reazzjoni billi skorjaw żewġ gowls għalkemm b’xorti ħażina għalihom kien tard wisq.

Sefa Onmaz, Liam Grandehomme u Wissam Bensaidi stabilixxew vantaġġ ta’ tliet gowls għall-istudenti Franċiżi sabiex doppjetta ta’ Calvin Agius għamlet l-iskor aktar rispettabbli għall-Mostin.

Referee kien Jonathan Balzan.

Balluta Barracudas baqgħu jżommu t-tielet post tal-klassifika wara li ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Fgura Spartans 6-0.

Protagonist għall-Barracudas kien l-attakkant Nick Borg li kien awtur ta’ hat-trick filwaqt li Diego Mora skorja doppjetta. Jorge Benitez ukoll niżżel ismu fost l-iskorers.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

Mqabba Albions komplew bl-istaġun pożittiv tagħhom u kisbu rebħa konvinċenti ta’ 3-0. Kyle Bonnici poġġihom fil-vantaġġ fl-20 minuta sabiex nofs siegħa wara Jerome Azzopardi għamilhom 2-0. Fil-55 minuta, Miguel Grima ssiġġilla r-rebħa għal Albions.

Referee kien Reno Galea.

F’logħba li kellna mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Birkirkara St Joseph u Gudja Wanderers temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 1-1. Dan ir-riżultat ftit biddel il-pożizzjoni taż-żewġ timijiet fil-klassifika.

Keith Mifsud poġġa lil Wanderers fil-vantaġġ fit-42 minuta sabiex il-Karkariżi ġabu l-iskor indaqs grazzi għall-gowl ta Tyron Delia.

Referee kien Georgi Bitri.

KLASSIFIKA – IT-TIENI DIVIŻJONI

Żebbuġ Y, San Ġwann Pro Ev 18, Balluta Barracudas 12, Mqabba Albions 10, Naxxar Victorians 6, Fgura Spartans, Mosta Vikings 2, Żejtun Laċċi 1. 

KLASSIFIKA – IT-TIELET DIVIŻJONI

Żabbar Southsiders 15, Swieqi Braves 12, Floriana Fsobians 10, Ta’ Ġiorni Wanderers 7, Birkirkara St Joseph 3, Gudja Wanderers 2, Ħal Far Sparks 1.

Sport