Saturday, November 23, 2024

“Mal-€100,000 fi ħsarat u mat-tliet xhur biex niġu għan-normal”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-maltemp li ħakem il-gżejjer Maltin fl-aħħar jiem ikkawża ħsarat kbar f’diversi żoni madwar il-pajjiż, b’uħud min-negozji jġarrbu ħsarat varji fl-istabbilimenti tagħhom.

Talk.mt tkellem ma’ Louis Micallef; General Manger ta’ Green Supplier f’Burmarrad b’rabta mal-ħsarat ikkawżati fl-istabbilmenti tagħhom fil-lokalità. Micallef beda biex jgħidilna li għalkemm għad trid issir stima dettaljata tal-ħsarat minħabba dak li ġara, jikkalkula li dawn il-ħsarat jaqbżu l-€100,000. 

Rigward ammont sostanzjali ta’ pots li spiċċaw imxerrdin fl-għelieqi tal-madwar huwa kkonferma li dawn inġarru bil-maltemp qawwi li ħakem iż-żona u żied jispjega li l-ilmijiet tant kienu kbar li fl-istabbiliment tagħhom huma spiċċaw b’ammont kbir ta’ materjal li ġie minn postijiet fil-viċin inkluż ammont ta’ ġebel li nġarr minn għelieqi li hemm biswit. Intant huwa kkonferma li bħala kumpanija qegħdin jieħdu ħsieb ukoll li jirrispettaw lil dawk milqutin minn dan l-inkonvenjent li ma kellhomx kontroll fuqu u li għaddejja koordinazzjoni biex dawn jitneħħew.

Tkellimna ma’ Micallef dwar l-aktar ħsara li affettwathom u huwa qalilna li ċertament hija dik li affettwat il-proċess ta’ dawk is-serer li fihom jinbet ix-xitel biex jitkabbar u jkun jista’ jinbiegħ. Huwa spjegalna li hawnhekk l-impatt kien doppju għax huma jinvestu fit-tkabbir ta’ dan ix-xitel biex ikunu jistgħu jbigħuh, iżda issa l-investiment tagħhom minn dan l-att mar fil-veru sens tal-kelma mar-riħ.

Mistoqsi dwar xi kemm jikkalkula li se jkun hemm bżonn żmien biex bħala stabbiliment jerġgħu jsibu saqajhom u jirritornaw għan-normal, Micallef qalilna li biex jibqgħu effiċjenti tal-klijenti, se jkollhom jimpurtaw ċertu materjal u li dan il-proċess jieħu mat-tliet xhur.

Iżda fuq kollox, Micallef f’isem il-Green Supplier sostna li l-aktar ħaġa importanti kienet li minnufih wara l-maltempata tneħħa kull forma ta’ periklu kemm għall-ħaddiema kif ukoll il-klijenti li jżuru l-post. Huwa temm jgħidilna li lil hinn minn kull ammont ta’ spejjeż, is-sigurtà ta’ kull min jirfes fl-istabbiliment ġiet l-ewwel u qabel kollox u b’hekk kellhom jagħmlu xi sigħat magħluqin sakemm ħaslu l-art minn madwar żewġ piedi ta’ ilma u ħama li kien ta’ periklu għal dawk li jattendu.

Sport