Fl-aħħar jiem, Malta kellha diversi laqgħat bilaterali fil-marġini tas-77 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, bi preparament għas-siġġu ta’ Malta fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda kif ukoll biex jiġu esplorati modi kif tissaħħaħ il-koperazzjoni bilaterali kemm fuq livell politiku kif ukoll ekonomiku.
“Il-vantaġġ ta’ fora ta’ dawn it-tip huwa li tkun tista’ tiltaqa’, tiddiskuti u tibni relazzjonijiet importanti ma’ pajjiżi differenti li għandhom interess f’Malta. Ħadt gost nisma’ l-ħsibijiet pożittivi u l-entużjażmu li bih numru ta’ kollegi jħarsu lejn pajjiżna u l-kontribut li jista’ joffri waqt it-terminu tiegħu fuq il-Kunsill tas-Sigurtà”, saħaq il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg.
Il-laqgħat bilaterali miżmuma mill-Ministru Borg kienu mal-Ministri tal-Affarjiet Barranin tal-Qatar, tal-Ġappun, tal-Indja, taċ-Ċina, tal-Eġittu, tal-Libja, tal-Marrokk, tal-Alġerija, tas-Serbja, tal-Etijopja, tal-Ġordan, tal-Palestina u ta’ Kirabiti. Huwa ltaqa’ wkoll mal-ambaxxatriċi Amerikana għan-Nazzjonijiet Magħquda, mas-segretarji ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Gulf kif ukoll mas-segretarju tal-Istat tal-Iżvizzera.