Stimi tal-aġenzija Eurostat jindikaw li Malta għandha t-tieni l-anqas piż ta’ taxxa madwar l-UE. Filfatt persuna waħedha mingħajr tfal u li tkun fuq dħul baxx taffaċċja piż ta’ 25% fejn tidħol taxxa u bolla. Dan b’kuntrast għal medja ta’ 40% madwar iż-żona ewro.
L-aktar pajjiż b’piż qawwi huwa l-Belġju fejn ħaddiem fuq dħul baxx jispiċċa jitlef aktar minn 46% tad-dħul tiegħu f’taxxa u bolla. Fil-Ġermanja l-piż huwa ftit anqas, 44%, mentri fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, l-piż jilħaq aktar minn 40%. B’kuntrast f’Ċipru l-ħaddiema bi dħul baxx iħallsu anqas minn Malta, għax jaffaċċjaw rata ta’ taxxa u bolla ta’ ftit aktar minn 18%.
Il-Eurostat ikkalkulat ukoll indikatur ieħor, li jsejjaħ l-unemployment trap. Dan huwa stima tad-dħul li jintilef permezz ta’ taxxa u telf ta’ benefiċċji soċjali meta persuna tibda taħdem. Hawnhekk l-istima hija li persuna Maltija titlef madwar 66% tad-dħul addizjonali meta tibda taħdem.
Pajjiżna għandu t-tieni l-anqas piż minn fost il-pajjiżi taż-żona ewo, wara Ċipru fejn il-piż huwa ta’ 64%. B’kuntrast madwar iż-żona ewro l-piż medju huwa ta’ 76%. Imma hemm numru ta’ pajjiżi fejn il-piż huwa ferm akbar. Per eżempju xi ħadd il-Litwanja li jsib xogħol jispiċċa jmur 4% minn taħt. Fil-Belġju kull ma jiżdied persuna meta jibda jaħdem huwa anqas minn 7%, kontra ħames darbiet anqas minn persuna Maltija qiegħda li ssib ix-xogħol.
Fl-aħħar snin il-pożizzjoni ta’ Malta tjiebet sostanzjalment minħabba l-introduzzjoni ta’ skemi bħat-tapering tal-benefiċċji soċjali u l-introduzzjoni tal-inwork benefit. L-ewwel miżura twassal biex xi ħadd li jsib xogħol ma jitlifx mal-ewwel il-benefiċċju tal-qgħad imma wara tlett snin. Bit-tieni miżura, meta persuna tibda taħdem u tkun bi dħul baxx, il-Gvern jagħti benefiċċju li permezz tiegħu jżid id-dħul tal-persuna.