Monday, May 13, 2024

Malta Enterprise tniedi l-konsultazzjoni għal Start-Up Framework

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli nediet dokument konsultattiv bil-għan li Malta jkollha qafas speċifiku għall-istartups, li jintroduċi riformi biex titnaqqas il-burokrazija u b’hekk titjieb din l-ekosistema li qed twassal għal ekonomija Maltija aktar diversifikata. Din il-konsultazzjoni ġiet imħabbra waqt it-tielet edizzjoni tal-iStartup Festival li qed jittella’ fl-MFCC f’Ta’Qali.

Kif il-Gvern tenna l-impenn tiegħu lejn startups u scaleups, dan id-dokument konsultattiv se jwassal għat-tfassil ta’ strateġija li tindirizza l-ħtiġijiet tal-istartups.

Id-dokument konsultattiv huwa maqsum fi tliet temi prinċipali: is-simplifikazzjoni ta’ ekwità, l-ambjent fiskali u r-riżorsa umana. Il-konsultazzjoni se tħares lejn ‘share awards’ u ‘share options’, l-ingaġġ ta’ apprentisti fi startups, aktar appoġġ fuq xogħol ta’ riċerka u żvilupp u li jiġi attirat talent ġdid.

“F’dawn it-tliet snin, Malta Enterprise approvat aktar minn €24 miljun f’appoġġ għal startups u scaleups, li se jissarrfu fil-ħolqien ta’ ’l fuq minn 1,000 karriera ġdida. Nemmnu wkoll li l-appoġġ m’għandux ikun limitat għal assistenza finanzjarja biss. Kull nazzjon jeħtieġ l-aħjar politika u qafas leġislattiv biex l-innovazzjoni timxi ’l quddiem,” qalet il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli.

Il-Ministru spjegat kif qafas b’saħħtu joffri direzzjoni. “Iridu pajjiż vibranti, b’soċjetà ġusta u ambjentalment sostenibbli, fejn l-ekonomija l-blu u l-ħadra jkomplu jissaħħu, b’opportunitajiet għal kulħadd. L-innovazzjoni hija ċ-ċavetta għal progress, li biha nistgħu noffru futur aħjar.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia tenna l-impenn tal-korporazzjoni. “L-impenn tagħna jibqa’ dak li nkunu tassew imsieħba għall-istartups u nigwidawhom biex tassew jagħmlu użu mill-opportunitajiet li għandhom x’joffru Malta u Għawdex,” qal is-Sur Farrugia.

Kompla jgħid kif għal sena oħra, dan il-festival huwa mistenni jixpruna riżultati pożittivi għall-komunità. “Ħerqana biex inkomplu nilqgħu aktar kumpaniji li jagħmlu minn Malta d-dar tagħhom. Dan il-festival huwa opportunità biex aktar negozji jiltaqgħu, jaqsmu l-għarfien tagħhom u jiltaqgħu mal-investituri.”

L-iStartup Festival qed jattira mijiet ta’ viżitaturi, minn investituri, startups u esibituri  fost l-oħrajn. Għall-ewwel darba, qed tiġi organizzata l-kompetizzjoni ‘Pitch Black’ fejn fundaturi ta’ startups jistgħu jippreżentaw il-proġett tagħhom. Ir-rebbieħ se jkun qed jieħu l-premju ta’ €110,000.

Il-parteċipanti tal-festival din is-sena jinkludu lil Mohsen Mousavi, VFX supervisor, rebbieħ ta’ Emmy-Award, Rina Onur, ko-fundattriċi u Kap Eżekuttiv ta’ Spyke Games – kumpanija popolari tal-mobile gaming – u Rob Law, il-moħħ wara l-bagalja ikonika Ride-On li minnha nbiegħu aktar minn ħames miljun bagalja f’aktar minn 100 pajjiż.

Fl-ewwel żewġ edizzjonijiet tiegħu, l-iStartup Festival laqqa’ wħud mill-aqwa mħuħ imprenditorjali f’Malta u rnexxielu jattira investiment lokali u internazzjonali f’oqsma bħal FinTech, logħob diġitali, VR/AR, Metaverse, kannabis mediċinali, BioTech, MedTech u l-ekonomija l-blu.

Sport