Tuesday, June 30, 2026

Malta fost l-ewwel pajjiżi li introduċew miżuri għall-Ħarsien tal-Ħaddiema quddiem l-isfidi klimatiċi

Aqra wkoll

Malta kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala wieħed mill-pajjiżi minn ta’ quddiem fil-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji tat-tibdil fil-klima waqt seminar internazzjonali li sar f’Palermo. Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard ippreżenta l-mudell Malti bħala eżempju ta’ prattika tajba fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Fi preżentazzjoni quddiem rappreżentanti minn diversi pajjiżi, il-Ministru Attard spjega kif Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li għarfet il-ħtieġa li t-tibdil fil-klima jiġi indirizzat ukoll mill-perspettiva tal-ħaddiema u tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

“Filwaqt li f’ħafna pajjiżi dawn l-isfidi għadhom qed jiġu diskussi, Malta diġà implimentat qafas komprensiv li jinkludi liġi ġdida tal-OHSA wara aktar minn 20 sena, strumenti amministrattivi speċifiċi dwar l-istress mis-sħana u kundizzjonijiet meteoroloġiċi estremi, kampanji ta’ għarfien, taħriġ b’xejn u infurzar proattiv. Dan il-qafas qed jipproteġi lill-ħaddiema fil-prattika u jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-postijiet tax-xogħol quddiem l-isfidi klimatiċi,” spjega l-Ministru Attard.

Il-Ministru Attard enfasizza li l-esperjenza Maltija hija mibnija fuq mudell integrat li jgħaqqad l-evidenza xjentifika, il-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, il-leġiżlazzjoni u l-istrumenti amministrattivi, flimkien ma’ kampanji ta’ għarfien, taħriġ kontinwu u infurzar effettiv.

“Dan l-approċċ wassal biex Malta mhux biss antiċipat ħafna mid-diskussjonijiet li llum qed iseħħu fuq livell internazzjonali, iżda wkoll stabbiliet mekkaniżmu flessibbli li kapaċi jirrispondi malajr għal riskji emerġenti relatati mat-tibdil fil-klima,” żied jgħid il-Ministru Attard.

Matul il-preżentazzjoni ngħatat attenzjoni partikolari lis-settur tal-kostruzzjoni, fejn il-ħaddiema huma fost l-aktar esposti għas-sħana estrema, ix-xemx diretta u kundizzjonijiet tax-xogħol fiżiċi. Ġew spjegati l-miżuri introdotti permezz ta’ strument Amministrattiv li daħal fis-seħħ fl-2025, li jipprevedi provvista adegwata ta’ ilma għax-xorb, żoni fid-dell, protezzjoni mix-xemx u spazji ta’ mistrieħ, kif ukoll miżuri addizzjonali waqt perjodi ta’ sħana estrema, partikolarment meta t-temperaturi jaqbżu l-40°C.

Ġie preżentat ukoll strument Amministrattiv ieħor li daħal fis-seħħ  din is-sena, li jintroduċi miżuri ta’ preparazzjoni, rispons u rkupru waqt kundizzjonijiet meteoroloġiċi severi, inkluż is-sospensjoni ta’ xogħol fuq barra, fuq soqfa u fuq scaffolding waqt twissijiet ta’ maltemp qawwi sabiex jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

Il-Ministru Attard irrimarka wkoll li Malta qed tkompli ssaħħaħ l-approċċ tagħha lejn is-saħħa fuq il-post tax-xogħol permezz tal-integrazzjoni tal-benesseri psikoloġiku fil-qafas tas-saħħa u s-sigurtà, b’rikonoxximent tal-impatt li s-sħana u kundizzjonijiet estremi jista’ jkollhom fuq il-konċentrazzjoni, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-benesseri ġenerali tal-ħaddiema.

Huwa temm jgħid li s-sħana estrema m’għadhiex sfida staġjonali iżda sfida għall-post tax-xogħol, għas-saħħa pubblika u għall-politika tal-adattament għat-tibdil fil-klima. “Għalhekk Malta għażlet li taġixxi kmieni, b’miżuri konkreti li jqiegħdu l-protezzjoni tal-ħaddiema fiċ-ċentru tal-politika nazzjonali.”

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, Dr Josianne Cutajar, qalet li, “Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’Palermo kkonfermat ir-rikonoxximent dejjem jikber lejn il-ħidma li qed issir f’dan il-qasam u saħħet ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna bħala ġurisdizzjoni li mhux biss tirreaġixxi għall-isfidi l-ġodda, iżda li tmexxi bl-eżempju permezz ta’ azzjoni konkreta, preventiva u effettiva. Il-fatt li Malta diġà qed timplimenta miżuri leġiżlattivi, amministrattivi, edukattivi u ta’ infurzar f’dan il-qasam juri l-impenn tagħna biex il-protezzjoni tal-ħaddiema tibqa’ fiċ-ċentru tal-politika nazzjonali.”

Iċ-Chairman tal-Bord tal-OHSA Pierre Fava qal li l-preżentazzjoni tal-Ministru Attard tikkonferma kemm pajjiżna jinsab f’pożizzjoni avvanzata fejn jidħlu tibdil fil-klima u s-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol.

Preżenti għal dan is-seminar kien hemm ukoll l-Assistent Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Gorg Zahra u r-rappreżentant tal-Konfederazzjoni għas-Saħħa u s-Sigurtà For.U.M Anthony Casaru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport