Thursday, December 26, 2024

Malta mal-ewwel għaxar pajjiżi minn 142 pajjiż fl-ordni u s-sigurtà

Aqra wkoll

L-ordni u s-sigurtà f’pajjiżna ġew klassifikati mal-ewwel għaxra, minn 142 pajjiż fl-indiċi globali tas-Saltna tad-Dritt. Indiċi li jinkludi pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u l-Amerka ta’ Fuq.

Il-World Justice Project Global Rule of Law Index ikejjel, fost oħrajn, kemm is-soċjetà toffri sigurtà liċ-ċittadini u jiddefinixxiha bħala wieħed mill-aspetti fundamentali għas-saltna tad-dritt u bħala funzjoni ewlenija tal-Istat.

Dan il-kejl jikkunsidra, fost oħrajn, kemm il-kriminalità hija kontrollata b’mod effettiv fil-pajjiż, li fil-kummenti tiegħu l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri rrefera għalih bħala riżultat tal-ħidma ma taqta’ xejn li qed titwettaq f’dan is-settur u li qegħdin jaħsdu l-frott tagħha l-familji Maltin u Għawdxin.

Huwa tenna li dan il-Gvern filwaqt li rriforma u saħħaħ il-Korp tal-Pulizija anke billi investa fil-kundizzjonijiet tagħhom bi ftehim kollettiv wara l-ieħor u f’aktar riżorsi, bħal body-cams, illum il-Pulizija qiegħed issibu aktar qalb il-komunità.

Dan mhux biss permezz ta’ għases li qegħdin jerġgħu jingħataw il-ħajja u joffru ambjent xieraq lill-Uffiċjali tal-Korp u liċ-ċittadini, bil-lum il-Korp għandu l-akbar ammont ta’ proprjetajiet miftuħa, imma anke bl-introduzzjoni tal-community police madwar Malta kollha. Preżenza li ser tkompli tissaħħaħ bl-introduzzjoni tal-Police Patrol Community and Support Officers.

Dan ukoll kumplimentat minn diversi taqsimiet oħra tal-Korp li jaħdmu ta’ kuljum. Magħhom jingħaqdu entitajiet oħra sew korpi dixxiplinati u oħrajn li qed iwasslu għal dawn ir-riżultati.

Il-Ministru Camilleri żied jgħid li hekk tinvesti fil-ħaddiema, bir-riżorsi u bid-drittijiet, u li dak l-investiment iwassal biex il-familji tagħna jirċievu servizz aqwa u kif jindika dan l-indiċi globali, biex iħossuhom siguri fejn jgħixu, fejn jaħdmu u fejn jiddevertu.

Investiment li mhux ser jieqaf anzi ser jissaħħaħ, b’dan huwa Gvern li kif wera fil-Budget, iwettaq aktar milli jwiegħed. Fil-fatt, għal dan is-settur l-allokazzjoni finanzjarja fil-Budget għas-sena d-dieħla hija l-akbar fl-istorja. Żidiet li fi kliem il-Ministru Camilleri juru, iswed fuq l-abjad, li mhux biss ser inkunu qegħdin inkomplu ninvestu fi proġetti u fl-infrastruttura neċessarja imma anke fil-ħaddiema, bl-ispiża rikurrenti li tinkludi l-pagi tal-ħaddiema, hija l-akbar nefqa rikurrenti ta’ kull żmien.

L-indiċi: https://worldjusticeproject.org/rule-of-law-index/country/2024/Malta/Order%20and%20Security/

Ekonomija

Sport