Saturday, May 4, 2024

Malta naqqset b’mod konsistenti r-rata ta’ dawk li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt

Aqra wkoll

Malta qed tikseb riżultati pożittivi f’dak li għandu x’jaqsam mat-tluq kmieni tal-istudenti mill-iskola. Fil-fatt l-aħħar statistika Ewropea uriet li f’dawn l-aħħar 10 snin, ir-rata ta’ dawn l-istudenti naqsu bi tmienja fil-mija. Dan juri li l-inizjattivi fis-sistema edukattivi qed iħallu l-frott, għalkemm għadna ftit ‘il bogħod biex nilħqu l-miri ffissati sal-2030.

Dwar dan ir-riżultat pożittiv, tkellimna mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima li spjegalna li fl-2015, Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li ppubblikat strateġija speċifika dwar it-Tluq Bikri mill-Edukazzjoni (Early School Leaving, ESL). L-UE tirrakkomanda li jkun hemm politika bħal din f’kull pajjiż.

Dan qed jingħata importanza mill-UE, tant li riċentement, l-ESL qed tissejjaħ Tluq Bikri mill-Edukazzjoni u Taħriġ (Early Leaving from Education and Training, ELET) u għalhekk tinkludi mhux biss tagħlim akkademiku imma wkoll dak vokazzjonali.
Il-Ministru Grima qalilna li l-ewwel Politika Nazzjonali kienet żvilupp kbir f’Malta fl-isfera edukattiva. Din l-istrateġija kkontribwiet għal tnaqqis kostanti u sinifikanti fin-numru ta’ studenti li jitilqu mill-edukazzjoni u t-taħriġ b’inqas minn kwalifika tal-Livell 3 tal-MQF.

“L-aħħar statistika turina titjib sinifikanti meta tiftakar li r-rata kienet laħqet l-ogħla rekord ta’ 33% f’Diċembru tal-2005 u l-aħħar rata hija rekord tal-aktar rata baxxa. Malta kienet waħda mill-ftit pajjiżi li kontinwament naqqset ir-rata matul l-aħħar snin u b’mod konsistenti kienet qed tirreġistra tnaqqis matul l-aħħar 10 snin. Mill-2017 Malta rreġistrat l-akbar rata ta’ tnaqqis fl-ELET mill-pajjiżi kollha tal-UE”, qalilna l-Ministru Grima.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni kompla jispjega li hemm ħidma għaddejja biex ikomplu jitjiebu r-riżultati. Fost dawn, tfasslet Strateġija li hija t-triq ’il quddiem u u tħares sal-2030. “Il-ġlieda kontra l-ELET hija element ewlieni tal-Qafas Strateġiku tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2030. Li nindirizzaw l-ELET jibqa’ prijorità ewlenija tagħna, għalhekk l-aġġornament kostanti tal-istrateġija ħolistika”, qalilna l-Ministru Grima.

Sport