Tuesday, May 14, 2024

Malta ppreżentat lill-KE talba għal għotja ta’ €60.1 miljun taħt l-RRF

Aqra wkoll

Malta għadha kif ippreżentat lill-Kummissjoni Ewropea l-ewwel talba tagħha biex tingħata €60.1 miljun taħt il-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza. It-talba ta’ Malta hija bbażata fuq pjan relatat ma’ 19-il tragward u miri li jkopru, fost oħrajn, riformi u investimenti fl-oqsma tal-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni tal-bini, l-ambjent, l-immaniġġjar tal-iskart, il-mobilità u l-ippjanar urban, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, l-istat tad-dritt, miżuri kontra l-korruzzjoni, tassazzjoni, xogħol ‘remote’ u diġitalizzazzjoni.

Il-pjan ġenerali ta’ rkupru u reżiljenza ta’ Malta se jkun iffinanzjat b’€258.3 miljun f’għotjiet. Il-pagamenti taħt il-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza huma bbażati fuq li Malta timplimenta l-investimenti u r-riformi deskritti fil-pjan tagħha ta’ rkupru u reżiljenza.

Wara li tivvaluta din it-talba ta’ Malta, il-Kummissjoni Ewropea mbagħad tibgħat il-valutazzjoni preliminari tagħha għat-twettiq minn Malta tat-tragwardi u l-miri meħtieġa għal dan il-ħlas lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Kunsill.

Il-pjan ta’ Malta f’dan ir-rigward huwa riżultat ta’ taħlita qawwija ta’ riformi u investimenti li jindirizzaw l-isfidi speċifiċi ta’ Malta. Ir-riformi jindirizzaw l-ostakli għal tkabbir dejjiemi u sostenibbli permezz ta’ tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, filwaqt li l-investimenti huma mmirati biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u biex jindirizzaw l-isfidi relatati mas-saħħa u l-ħiliet.

Ir-riformi u l-investimenti kollha jridu jiġu implimentati fi żmien strett, peress li r-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jipprevedi li jridu jitlestew sa Awwissu 2026.

Sport