Minn Cristian Muscat
Illum u għada tintlagħab il-11 u l-aħħar ġurnata tal-ewwel round tal-Ewwel Fażi li fiha jkunu magħrufa s-sitt timijiet li se jilagħbu fit-Top Six u dawk li se jilagħbu fil-Bottom Six.
Filwaqt li l-uniku team li diġá kkwalifika mal-ewwel sitta huwa dak ta’ Valletta filwaqt li Gzira United u Birżebbuġa St Peter’s se jilagħbu fil-Bottom Six, il-partiti kollha għandhom l-importanza tagħhom hekk kif hemm differenza ta’ erba’ punti bejn sitt timijiet li qed jisfidaw biex jingħaqdu ma’ Valletta.
Fil-veritá, iċ-ċansijiet ta’ Balzan huma ferm limitati.
Intant, l-aktar partita li se tiġbed l-akbar numru ta’ spettaturi lejn Tony Bezzina Stadium, hija dik bejn iż-żewġ rivali eterni, Floriana u Valletta, bil-pressjoni tinsab kollha fuq il-Greens.
Konfront ieħor interessanti huwa dak bejn Sliema Wanderers u Hamrun Spartans, b’dawn tal-aħħar bħal donnhom qabdu r-ritmu.
Balzan jaffrontaw lil Hibernians liema partita ż-żewġ timijiet iridu jirbħu bilfors.
Marsaxlokk jibdew favoriti kontra Gzira United li għandhom bżonn il-punti biex fit-tieni round jimmiraw li ma jispiċċawx fl-aħħar żewġ postijiet.
Birkirkara għandhom partita delikata kontra Birżebbuġa St Peters’ filwaqt li l-konfront bejn Zabbar St Patrick u Mosta huwa wieħed bilanċjat u jista’ jmur kull naħa.
Floriana v Valletta – Floriana għandhom ostaklu ferm diffiċli biex jissuperaw meta quddiemhom se jsibu lil Valletta li jinżlu għal dan il-konfront komdi, kalmi u mingħajr l-ebda pressjoni minkejja li jkunu jridu jirbħu t-tliet punti.
Il-Greens ma jistgħux joħorġu b’idejhom vojta minħabba li jkun ifisser li jsibu ruħhom fil-periklu li jispiċċaw fil-Bottom Six.
Fl-aħħar erba’ ħarġiet huma kisbu tliet draws u telfa, jiġifieri, fallew disa’ punti.
Iżda huma se jkunu mmexxija mill-coach il-ġdid, l-Ispanjol Carlos Alos Ferrer, li ħa post Daniel Portela li bi qbil reċiproku mal-kumitat Furjaniż kien irriżenja.
Sliema W. v Hamrun S. – Din għandha tkun partita mill-aktar interessanti hekk kif Sliema Wanderers jinsabu punt wieħed biss fuq Hamrun Spartans.
U filwaqt li s-Slimiżi ġejjin minn żewġ rebħiet, il-Ħamruniżi ġejjin minn draw u rebħa li kienet kontra Valletta bl-iskor ta’ 2-1.
Telfa għal Hamrun tpoġġihom fil-periklu li jistgħu jitilfu posthom mal-ewwel sitta.
Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż, Sliema lil Alexander Satariano u Hamrun lil Jake Grech.
Balzan v Hibernians – Dan huwa konfront dirett bejn żewġ timijiet li f’din l-ewwel fażi ddiżappuntaw minħabba li kellhom aspettattivi għoljin qabel ma beda l-istaġun.
Hija prioritá għaż-żewġ timjiet li joħorġu rebbieħa, b’Hibernians ikollhom aktar ċans minn Balzan.
Riżultat ta’ draw jikkastiga liż-żewġ timijiet għal Bottom Six.
Filwaqt li l-Pawlisti neżlin bl-aqwa formazzjoni possibbli, Balzan se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiżi, Luis Gabriel Santos Silva u Zachary Grech.
Gzira U. v Marsaxlokk – Meta jiffaċċjaw lil Gzira Unted, punt ikun biżżejjed għal Marsaxlokk biex jingħaqdu mat-Top Six.
Iżda min-naħa l-oħra, il-Maroons jimmiraw għal rebħa biex ikomplu jittamaw li ma jtemmux fl-aħħar żewġ postijiet.
Birkirkara v Birżebbuġa SP – Birkirkara jridu juru rispett lejn Birżebbuġa St Peter’s li wara bidu negattiv, bħal donnhom qed jimmaturaw fil-logħob tagħhom.
Peró, is-Saints se jkunu mingħajr is-sospiżi, Luis Gabriel Santos Silva u Zachary Grech.
Zabbar SP v Mosta – Friski mir-rebħa ta’ 2-1 fuq Floriana, Zabbar St Patrick jinżlu b’moral għoli biex jilagħbu kontra Mosta, li min-naħa tagħhom ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar seba’ partiti, b’ħames draws u żewġ telfiet.
Jake Micallef, se jkun nieqes għaż-Żabbarin minħabba li jinsab sospiż.





