Friday, May 3, 2024

Malta tippreżenta 6 proposti biex ikun mgħejun is-settur turistiku

Aqra wkoll

Tingħaqad ma’ sitt stati membri oħra favur mekkaniżmi mill-UE sabiex nixprunaw mill-ġdid it-turiżmu wara l-COVID-19

Waqt konferenza inter-ministerjali b’mod virtwali bejn il-ministri kollha tat-turiżmu fl-Unjoni Ewropea, organizzata mill-Presidenza Kroata, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli enfasizzat l-importanza li anke jekk għadna ma ħriġniex għal kollox mill-pandemija tal-COVID-19, irridu nippjanaw kif se nqajmu din l-industrija b’mod meqjus mill-aktar fis.

Din il-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddiskutiet l-implikazzjonijiet li qed tħalli l-COVID-19 fuq it-turiżmu. Il-Ministru Julia Farrugia Portelli kienet mistiedna sabiex tagħmel l-intervent tagħha u tispjega l-miżuri li qed nieħdu bħala pajjiż. Spjegat li Malta hija gżira mibnija fuq it-turiżmu estern u kif dan il-pilastru ekonomiku jiġġenera bejn 25% u 30% tal-prodott domestiku gross Malti.

Fissret kif Malta hija meqjusa mill-Ġnus Magħquda bħala wieħed mill-aktar pajjiżi li qed jaffaċċja bl-aħjar mod possibbli din il-kriżi. Spjegat kif mill-aspett ekonomiku, grazzi għall-pakkett ta’ assistenza finanzjarja mħejji minn dan il-Gvern, irnexxielna sa issa nsalvaw aktar minn 83,000 impjieg. Malta ppreżentat 6 proposti ewlenin:

1.     Il-ftuħ mill-ġdid tat-turiżmu. Hemm riskji imma jridu jkunu megħluba. Minn issa jridu jsiru protokolli ċari fuq titjiriet, akkomodazzjoni, stabbilimenti tal-ikel u x-xorb fost l-oħrajn.

2.     Hemm bżonn li jkunu identifikati spazji siguri għall-ivvjaġġar bejn territorji u reġjuni li bħal Malta qed jimmaniġjaw il-problema b’mod tajjeb.

3.     Il-ministru insistiet li jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tassisti bi grants għan-negozji. Fissret li  għad li t-turiżmu bħalissa hu fraġli, dan se jkun dak il-fattur ewlieni li jixpruna ‘l quddiem l-ekonomiji. F’dan is-sens, investiment akbar mill-Kummissjoni Ewropea hu vitali.

4.     Strateġija ta’ rkuprar fit-turiżmu li tieħu inkonsiderazzjoni d-differenzi u l-isfidi ġeografiċi tal-pajjiżi differenti. Pajjiżi bħal Malta, is-settur tal-avjazzjoni hu l-uniku punt li jgħaqqadna mal-kumplament tad-dinja. F’dan is-sens irid ikun hemm mekkaniżmi li jgħinu lill-linji tal-ajru – dan hekk kif se jkunu huma l-ewwel muturi li jqajmu l-ekonomiji.

5.     Appell lill-Unjoni Ewropea biex tieħu pożizzjoni ċara u immedjata fuq il-‘package travel directive and air passenger regulation’ u vouchers ta’ kreditu flok ħlas lura. Filwaqt li d-drittijiet tal-konsumatur għandhom dejjem ikunu mħarsa, għandhom ikunu protetti l-operaturi tal-ivvjaġġar. Jeħtieġ li tkun indirizzata l-anomalija u l-iżvantaġġ li nħoloq meta pajjiżi individwali qabdu u abbandunaw din id-direttiva.

6.     Malta talbet lill-Unjoni Ewropea sabiex tħares lejn din l-isfida bħala opportunità partikolarment fit-taħriġ tal-ħiliet tal-ħaddiema tagħna. Xi ħaġa li Malta qed tieħu rwol ewlieni fiha b’taħriġ li se jingħata lill-ħaddiema fis-settur turistiku.

F’dan id-dawl Malta kienet fundamentali flimkien ma’ 6 pajjiżi oħra li formalment ressqu talba lill-Kummissjoni Ewropea sabiex fil-pjan li l-UE qed tħejji biex il-pajjiżi jirkupraw mill-effetti tal-pandemija, ikun hemm vot b’saħħtu għat-turiżmu, li jiffoka fuq għajnuna li tingħata lill-gżejjer u żoni rurali fost l-oħrajn. Dan filwaqt li jkunu rikonoxxuti każ b’każ territorji li l-ekonomiji tagħhom huma intriniskament ibbażati fuq it-turiżmu, u li jiddaħħlu protokolli ġodda ad hoc sabiex nissuktaw bi vjaġġar sigur fiż-żona tal-UE.

Il-pajjiżi li ħadu l-istess pożizzjoni flimkien ma’ Malta huma Spanja, il-Portugall, l-Italja, il-Greċja, Ċipru, u l-Bulgarija. Malta flimkien ma’ dawn il-pajjiżi mbuttat numru ta’ miżuri fl-immedjat u fit-tul, intenzjonati favur għajnuna lil dawk is-setturi li l-aktar intlaqtu ħażin. Dan sabiex jittaffew l-impatti tal-kriżi, filwaqt li jistimulaw l-attività ekonomika u nibdew nirkupraw kemm jista’ ikun malajr.

Din il-pożizzjoni konġunta tgħid ukoll li l-aktar pajjiżi milquta huma l-gżejjer stati membri kif ukoll il-pajjiżi li jinsabu ġeografikament fil-periferija tal-UE, u għaldaqstant huwa importanti hafna li nagħtu s-sapport li hemm bżonn lil-linji tal-ajru sabiex nassiguraw il-konnettività.

Sport