F’Ġunju li għadda pajjiżna rreġistra l-inqas rata ta’ inflazzjoni minn fost il-pajjiżi kollha membri taż-Żona Ewro.
Ċifri li ġew i;pubblikati mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat juru li pajjiżna x-xahar li għadda kellu inflazzjoni ta’ 2%.
Dan ifisser li r-rata ta’ inflazzjoni f’Malta naqset minn 2.5% għal 2% meta mqabbla mal-istess xahar tas-sena li għaddiet. Ir-rata hija l-inqas waħda li ġiet irreġistrata fl-aħħar sena u nofs.
B’mod ġenerali, l-inflazzjoni annwali fiż-Żona Ewro naqset mit-3.2% f’Mejju, iżda xorta baqgħet ogħla minn ta’ Malta bi 2.8%. Fl-Unjoni Ewropea kollha, ir-rata naqset għal 2.9% minn 3.3% ix-xahar ta’ qabel.
L-ogħla rati ta’ inflazzjoni ġew irreġistrati fir-Rumanija b’9.2% jew erba’ darbiet u nofs iżjed minn Malta, waqt li dik fil-Litwanja u l-Bulgarija laħqet għal 5.4% u 5.2% rispettivament.
L-akbar fatturi li kkontribewew għall-inflazzjoni fiż-Żona Ewro kien hemm l-enerġija l-aktar minħabba l-instabbilità li hemm fil-Lvant Nofsani. Dawn iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels inġarrew kollha miċ-ċittadini rispettivi, b’differenza li f’Malta l-Gvern baqa’ jissusidja dawn iż-żidiet biex b’hekk il-familji Maltin u Għawdxin ma ġarrew l-ebda piż.
Bis-saħħa ta’ dawn is-sussidji, il-Gvern ma kellux għalfejn idaħħal miżuri ta’ awsterità bħalma sar f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. B’dan il-mod il-poter tal-infiq tal-familji u n-negozji baqa’ wieħed stabbli u b’saħħtu.
