Friday, April 17, 2026

Manifest Elettorali

Aqra wkoll

Manifest Elettorali ta’ partit politiku li poplu jeleġġih biex imexxih jittrasforma ruħu b’mod awtomatiku fi programm ta’ ħidma tal-Gvern elett. Hekk ġara f’Marzu tas-sena 2022 meta reġa’ ġie elett il-Partit Laburista, din id-darba mmexxi minn Robert Abela, bl-akbar maġġoranza fl-istorja politika ta’ pajjiżna.

Manifest Elettorali bit-tema Malta Flimkien. Fl-introduzzjoni ta’ dan il-Manifest Elettorali l-Mexxej Laburista kiteb hekk: “Dan il-manifest hu l-pjan li fuqu se nfasslu l-Malta li rridu għal uliedna. Huwa l-frott ta’ diskussjoni wiesgħa ma’ kulħadd, fejn minn 100 idea ħloqna 1,000 proposta ġdida. Permezz tal-fiduċja tagħkom l-Għawdxin u l-Maltin, lesti biex dawn il-proposti issa  nibdluhom f’elf kisba ġdida għal pajjiżna.”

Ftit tal-ġranet ilu l-Gvern ħabbar li fl-erba’ snin li għaddew il-Gvern elett biex iwettaq dak li wiegħed, wettaq S’ISSA 85% tal-Programm Elettorali tiegħu. Il-Kostituzzjoni tagħna tistipula li t-terminu tal-Gvern elett huwa wieħed ta’ ħames snin. Li jfisser li l-Gvern Laburista elett f’Marzu tas-sena 2022 jonqsu sena oħra biex matulha jagħlaq il-15% ta’ dak li fadal mill-Manifest Elettorali, mill-programm ta’ ħidma. Nuża l-verb JAGĦLAQ għax fil-verità fil-maġġor parti tiegħu dak li fadal jitwettaq għaddej ix-xogħol fuqu. 

Huwa ovvju li Manifest Elettorali jkun maħsub biex jinħadem u jitwassal fuq medda ta’ ħames snin. Perjodu li jista’ jkun iffaċċjat minn problemi, minn kriżijiet li ma jkunux previsti. Eżempji mill-aktar riċenti li għexnihom u qegħdin ngħixuhom. Żgur li ma kinitx prevista l-pandemija COVID 19, li nafu kif niżżlet għarkuptejhom ekonomiji mill-akbar fid-dinja. Kull wieħed u waħda minna jaf x’ġara partikolarment fl-Ewropa. Bilkemm konna ħriġna minn din il-kriżi li ma faqqgħetx il-kriżi kawżata mill-invażjoni Russa tal-Ukranja. Kriżi li għadha għaddejja u li KULĦADD jaf x’ikkawżat u x’qegħda tikkawża.

Waqt din il-ġrajja traġika faqqgħet kriżi oħra ftit bogħod minna. L-istraġi, l-atroċitajiet li wettaq b’mod sproporzjonat Iżrael fuq il-Medda ta’ Gaża wara attakk fl-opinjoni tiegħi atroċi li l-Hizbollah wettaq fuq mijiet ta’ Lhud.

Issa faqqgħet l-aktar kriżi riċenti. Kawżata minn attakk konġunt bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u Iżrael fuq l-Iran. Ilkoll nafu dak li għaddejja minnu d-dinja. Ilkoll nafu x’konsegwenzi jfisser dan kollu. Ilkoll qegħdin naraw xi problemi ħoloq għal popli madwar id-dinja.

Xejn minn dan ma kien previst meta kien qed jitfassal il-Manifest Elettorali Malta Flimkien fis-sena 2022. Gvern Laburista ffaċċjat minn kriżijiet ta’ kwalità bħal din seta’ faċilment għamel dak li għamel Gvern Nazzjonalista meta ffaċċjat bi kriżi ferm u ferm inqas minn dawn. Seta’ ssospenda l-Programm ta’ Ħidma u seta’ għadda l-piż kawżat minn tali kriżijiet fuq il-poplu. Hekk kien għamel Gvern Nazzjonalista.

Imma mhux hekk għamel u mhux hekk qed ikompli jagħmel Gvern Laburista. Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat u Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela daħal hu biex iġorr dan il-piż mhux previst. Anzi. Gvernijiet Laburisti għamluha ċara li se jkomplu jkunu ta’ spalla biex il-poplu ma jbatix. Biex in-negozji ma jitkissrux. Biex il-livell ta’ għixien ma jitbaxxix.  Biex il-futur bażat fuq il-preżent ma jiċċajparx. 

Ħarsa madwarna faċilment turina dak li għaddejjin minnu popli ta’ pajjiżi Ewropej bħalna. Pajjiżi bħalna membri tal-Unjoni Ewropea. Pajjiżi ferm u ferm akbar minna. Madankollu l-popli tagħhom qed ikollhom iġorru huma l-piż kawżat intortament. 

Grazzi għall-għaqal ta’ Gvernijiet Laburisti, grazzi għal ekonomija vibranti li ħolqu, il-poplu Malti u Għawdxi mhux biss inżamm f’wiċċ l-ilma imma baqa’ jgawdi sena wara oħra minn ġid li ħoloq hu stess.

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport