Mara li l-identità tagħha s’issa għadha mhix magħrufa kellha tiddaħħal l-Isptar Mater Dei wara li għall-ħabta tas-1.08pm kienet involuta f’inċident tat-traffiku fi Triq tal-Barrani.
Is-sewwieq tat-trakk tal-kostruzzjoni hu raġel ta’ 30 sena residenti San Pawl il-Baħar. Mal-ħabta, il-karozza spiċċat ma’ siġra, tant li kellhom jintervjenu l-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili biex is-sewwieqa tinħareġ mill-vettura.
Il-kundizzjoni tal-mara s’issa għadha mhix magħrufa filwaqt li l-Pulizija qegħdin jinvestigaw il-każ.
Aktar kmieni:Trakk u karozza involuti f’inċident tat-traffiku f’Tal-Barrani
Għall-ħabta tas-1.08pm il-Pulizija ġew informati li kien seħħ inċident bejn trakk u karozza fi Triq tal-Barrani. Vettura minn dawk involuti fl-inċident laqtet xi siġra.
Fuq il-post mar tim mediku mill-Isptar Mater Dei li jidher li ħadu xi persuna jew persuni l-isptar.
It-triq tinsab magħuqa għat-traffiku u s-sewwieqa huma mħeġġin biex jevitaw iż-żona.
Aktar dettalji dalwaqt.