“Five Nights at Freddy’s” qed jitqies bħala suċċess billi żamm il-post fil-quċċata tal-box office Amerikana għat-tieni ġimgħa konsekuttiva minkejja li l-Universal iddeċidiet li toħorġu wkoll fuq il-pjattaforma diġitali tagħha Peacock fl-istess jum li ħareġ għall-wiri fit-teatri.
Maħdum b’budġit ta’ $20 miljun, wara 10 tijiem, id-dħul laħaq iċ-ċifra ta’ $113-il miljun fil-box office, biex sar il-film tal-orrur bl-akbar dħul għal din is-sena meta ssupera “The Nun II” ($85 miljun), “M3GAN” ($95 miljun) u “Scream VI” ($108 miljun). Fit-tieni u fit-tielet post tal-box office, wieħed isib “Taylor Swift: The Eras Tour” u “Killers of the Flower Moon”.
Fir-raba’ post tela’ il-film bijografiku “Priscilla”. Cailee Spaeny għandha l-parti ta’ Priscilla Presley. Din il-ġimgħa, kien hemm l-aħbar li erba’ xhur qabel mietet f’Jannar, binthom Lisa Marie kienet ilmentat mad-direttur Sofia Coppola dwar il-mod kif missierha Elvis hu ppreżentat f’dan il-film bħala wieħed kattiv u manipulattiv. L-iscript hu bbażat fuq il-bijografija ta’ Priscilla, ‘Elvis and Me’ li ġie ppubblikat fl-1985. Fil-ħames post tal-box office Amerikana, hemm “The Exorcist: Believer”.
The Marvels
F’Settembru, it-tim kreattiv tal-Marvel iltaqa’ għal-laqgħa annwali mal-kap tal-istudios Kevin Feige. Mill-2009 ’l hawn, minn meta l-Marvel marret fi ħdan il-kumpanija Disney, l-atmosfera dejjem kienet waħda ta’ ċelebrazzjoni ta’ suċċess.
Din is-sena, l-atmosfera ma tantx kienet ferriħija. “Guardians of the Galaxy Vol. 3” mar mhux ħażin imma b’dħul anqas minn “Vol. 2”. Kien mistenni suċċess akbar minn “Ant-Man and the Wasp: Quantumania”. Jekk imbagħad jittawlu lejn ir-rekord tar-rivali tagħhom DC Comics, is-sitwazzjoni hi ferm agħar. Tberren il-mistoqsija: in-nies xebgħu mill-films tas-super-eroj?
Uġigħ ta’ ras kbira għall-Marvel huma l-istejjer dwar l-attur Jonathan Majors li fuqu kienu qed jibnu l-fażi li jmiss tal-Marvel Cinematic Universe (MCU). Rajnih bħala Kang the Conquerer f’“Quantumania”. Suppost għandu jkun il-protagonist f’“Avengers: The Kang Dynasty” li għandu joħroġ fl-2026 u f’“Avengers: Secret Wars” li jkun fit-teatri fis-sena ta’ wara. F’Marzu li għadda, John Majors safa’ akkużat b’vjolenza domestika. Il-każ tiegħu ser jinstema’ fid-29 ta’ dan ix-xahar.
Tant it-tim kreattiv hu preokkupat bil-każ ta’ John Majors, li bdew jaħsbu fuq alternattiva għall-karattru ta’ Kang. Waħda mill-possibilitajiet hi li jesploraw il-karattru ta’ Doctor Doom.
Fl-2019 diġa kien hemm l-idea li ser jinħadem film b’Doctor Doom. F’daqqa waħda, x-xogħol kollu waqaf ħesrem, għax Kevin Feige ried jinkorporah mal-Fantastic Four. Mads Mikkelsen hu nteressat li jaħdem din il-parti.
Lil hinn mill-aħbarijiet ħżiena li qed joħorġu dwar John Majors, bħalissa l-attenzjoni kollha hi mixħuta fuq id-debutt ta’ “The Marvels”, is-sequel għall- “Captain Marvel”. Kevin Feige u t-tim ta’ madwaru huma preokkupati bil-leaks li kien hemm dwar dan il-film, fosthom il-bżonn ta’ 4 ġimgħat reshoots biex jippruvaw jagħmlu sens minn storja li dehret konfuża. Urtati kienu ukoll bid-direttur Nia DaCosta li meta l-post-production anqas kienet lesta, marret l-Ingilterra biex taħdem fuq il-film drammatiku “Hedda”.
Aħbarijiet bħal dawn ma jagħmlux ġid, speċjalmnet meta fuq il-film ikunu ntefqu $250 miljun. Il-previżjoni hi li fi tmiem il-ġimgħa, dan il-film ser ikollu dħul ta’ bejn $75 u $80 miljun. Dan ikun ftit aktar min-nofs tad-dħul fl-opening weekend ta’ “Captain Marvel” li ħareġ fl-2019. Mhux sinjal tajjeb.
“The Marvels” hu t-33 film mill-Marvel Cinematic Universe. Nia DaCosta saret l-ewwel mara Afro-Amerikana li qegħda tidderieġi film tal-Marvel. Huwa wkoll l-ewwel wieħed li għandu fih super-eroj li hi Musulmana.
Ma’ l-attriċi Brie Larson (Carol Danvers, magħrufa ukoll bħalha Captain Marvel), jissieħbu żewġ eroj oħra: Teyonah Parris fil-parti ta’ Monica Rambeau mis-sensiela televiżiva “WandaVision”; u Iman Vellani bħalha Kamala Khan, protagonista f’sensiela oħra televżiva “Ms. Marvel”.
Carol, Monica u Kamala jingħaqdu flimkien wara li l-poteri tagħhom jitħalltu u jieħdu ta’ xulxin kull darba li jattivawhom. L-għadu hi Dar-Benn. F’din il-parti tidher l-attriċi Ingliżi Zawe Ashton. Jirritorna Samuel L. Jackson fil-parti ta’ Nick Fury.
L-effetti speċjali f’dan il-film, speċjalmnet dawk bil-qtates li jibilgħu lin-nies, mhumiex fil-livell ta’ l-aqwa films tal-MCU. F’dan id-dipartiment kien hemm l-inkwiet ukoll, li sploda waqt il-produzzjoni ta’ dan il-film. Milli jidher, l-artisti li jiżviluppaw l-effetti speċjali kienu jiġu mġegħla jaħdmu 14-il siegħa kuljum mingħajr ħlas ta’ overtime. Għall-ewwel darba, dan l-artisti daħlu fil-union biex ikunu jistgħu jinnegozjaw kundizzjoniet ta’ xogħol u paga aħjar.
Kif ser imur “The Marvels” fi tmiem din il-ġimgħa jista’ jħalli effett fit-tul dwar il-futur tal-MCU. Fl-2024, ser ikollha sitt films b’karattri li oriġinaw mill-komiks tal-Marvel. Nofshom huma direttament taħt il-kappa tal-Marvel Studios. Dawn huma: “Deadpool 3”, “Captain America: Brave New World” u “Thunderbolts” .“The Marvels” hu kklassifikat 12A minħabba xeni ta’ fantasija vjolenti.