Wednesday, April 24, 2024

“Mas-saħħa tan-nies m’aħniex se nesperimentaw… nieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt it-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech rigward l-impatt tar-restrizzjonijiet fuq is-settur turistiku, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li bħala gvern kien ċar sa mill-bidu nett li l-ewwel għan kien li jipproteġi li l-komunità Maltija.

Bartolo qal li b’hekk saret ħidma biex f’pajjiżna kien hawn wieħed mill-aqwa jekk mhux l-aqwa programm ta’ vaċċinazzjoni u issa wkoll qegħdin ikomplu dan il-programm bit-teħid tal-booster li laħaq persentaġġ għoli wkoll ta’ dawk li resqu biex jitlaqqmu.

“Id-deċiżjoni ma tteħditx mill-Ministeru tat-turiżmu, iżda b’diskussjonijiet max-xjentisti u mad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, b’deċiżjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza. Jiena kont għamilt dikjarazzjoni ċara li mas-saħħa tan-nies m’aħniex se nesperimentaw u hekk qegħdin nagħmlu biex nissalvagwardjaw is-saħħa tal-komunità kollha kemm hi biex din tkun kapaċi tisfrutta l-opportunitajiet ekonomiċi inkluż dawk turistiċi li għandna quddiemna”, spjega Bartolo.

Il-Ministru Bartolo kkonferma li għaddejjin diskussjonijiet biex fil-jiem li ġejjin ikomplu jitnaqqsu r-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija. Fost dawn ir-restrizzjonijiet hemm inklużi dawk relatati mal-ivjaġġar sabiex b’hekk pajjiżna jkun jista’ jilqa’ għad-domanda turistika tal-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Sport