Thursday, May 16, 2024

Mekkanik jgħid li rriffjuta li jwaqqa’ l-każ biex “ma jwaqqax l-Ispettur għan-nejk”

Jibda l-każ kontra Burton Azzopardi mixli li kkorrompa xhud

Aqra wkoll

Beda jinstema’ l-każ kontra Burton Azzopardi mixli li fil-11 t’April li għadda pprova jikkorrompi lil Joseph Debono li kellu jixhed f’kawża separata kontra ħuh Zven Azzopardi.

L-ewwel xhud fis-seduta kien l-Ispettur Gabriel Kitcher li investiga dan il-każ. Huwa beda biex jgħid li fit-13 t’April, Joseph Debono daħal biex jirrapporta l-għassa ta’ Bormla dwar kif l-imputat avviċinah waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħol fuq xi karozza barra mill-garaxx tiegħu fil-post li jsibuh bħala t-Tinda fl-istess lokalità. L-Ispettur kompla jixhed li Debono – li għandu kawża separata ma’ Zven Azzopardi wara li allegatament dan tal-aħħar ipponta pistola lejh u pprova jsuq għal fuqu b’karozza wara tilwima dwar il-kwalità ta’ xogħol li kien għamillu – żied jirrapporta li Burton kien offrielu arloġġ u €10,000 biex iwaqqa’ l-akkużi fil-konfront ta’ ħuh. Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur żied jgħid li Debono ma kienx lest iwaqqa’ l-akkużi u li għalhekk wieġbu “li kieku ħuk laqatni bil-karozza jien kont se nbati l-konsegwenzi”.

Mistoqsi mid-difiża rigward jekk il-Pulizija ġabritx xi filmati minn CCTVs li kien hemm fl-inħawi, l-Ispettur wieġeb li kollega tiegħu li qiegħed jgħin fl-investigazzjonijiet mar personalment u li minn aktar investigazzjoni li saret irriżulta li l-filmati miġbura ma setgħux jinġiebu bħala prova fil-qorti.

Wara xehed Joseph Debono li jaħdem bħala mekkanik. Huwa qal li fil-11 t’April għall-ħabta tal-10:00 a.m waqaf Burton quddiem il-garaxx fejn jaħdem. Kompla biex jixhed li huwa neża l-arloġġ minn idejh li għalkemm ma jistax jikkonferma, għalih dan kien xi arloġġ Rolex. Huwa żied jgħid li għall-ewwel ħasbu li kien mar għall-ġlied għax niżel bla ma qal xejn, imbagħad qallu li ried biss ikellmu u qallu “Mur waqqa’ l-każ u nagħtik €10,000”. Meta mistoqsi dwar x’kienet ir-reazzjoni tiegħu Debono wieġeb “Jien għidtlu le mhux se nwaqqa’ lill-Ispettur għan-nejk” u li wara dan id-diskors dan qabad ħiereġ u ħa jitlaq. 

Mistoqsi rigward jekk kienx waħdu fil-vann, Debono qal li kien hemm Omm Burton, ċertu Għarbi li hu kien jafu bħala l-Baba u omm dan tal-aħħar.

Xehed ukoll Stephen Debono – ħu Joseph Debono fejn qal li hu ra l-vettura tieqaf fejn ħuħ u li ħuh kien qallu li jekk kien ġie għall-ġlied kien se jinforma lill-Ispettur. Żied jixhed li dan ma kienx il-każ u qal li Burton skuża ruħu għall-mod ta’ kif kien avviċinah u qallu li ried ikellmu. Filwaqt li kompla jixhed dwar kif hu ma semax id-diskors kollu li ntqal bejn Burton u ħuh, huwa qal li hu kien sema’ lil Burton joffrilu €10,000 biex iwaqqa’ l-każ kontra Zven Azzopardi.

Jingħata l-ħelsien mill-arrest…

Wara li temmew ix-xhieda tagħhom, id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat u sostniet li – kemm fid-dawl tal-fatt li l-Avukat Ġenerali ma oġġezzjonax għal din it-talba u kif ukoll minħabba li m’hemmx biża’ ta’ intralċ tal-provi – il-Qorti għandha taċċetta din it-talba.

Min-naħa tagħha l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat MarseAnn Farrugia laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Burton taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jidher quddiem il-Qorti kull meta mitlub, jiddepożita fil-Qorti l-passaport u l-Karta tal-Identità, ma jippruvax iħalli l-pajjiż b’xi mezz ta’ trasport ieħor inkluż bil-baħar, li ma javviċinax lix-xhieda, li ma jikkommettix reat ieħor ta’ natura volontarja, li jirrapporta kuljum fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar, ma jidħolx id-dar wara nofsillejl u ma joħroġx qabel il-5:00 a.m. Minbarra dan il-Qorti talbet ukoll li jkun hemm terz garanti għal ammont ta’ €5,000 f’każ li dawn il-kundizzjonijiet jinkisru.

L-Avukat Marion Camilleri dehret għall-imputat.

Sport