…50 sena ilu u x-xeni drammatiċi barra l-Port il-Kbir
Kien proprju ħamsin sena ilu, eżattament f’nofs Mejju tas-sena 1976 meta seħħew
xeni drammatiċi barra l-Port il-Kbir. Dakinhar kaptan Amerikan kien hedded li
jgħarraq żewġ patrol boats Maltin.
Dakinhar kien ġie rappurtat li “fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu uffiċjali tal-Forzi Armati
ta’ Malta fuq żewġ patrol boats sabu ruħhom f’dilemma wara li ġew mheddin minn
Kaptan Amerikan ta’ vapur ta’ l-irmonk li jibqa’ dieħel fuqhom bil-vapur u
jgħarraqhom. Ftit qabel dan il-kaptan kien ħareġ il-vapur mill-Port il-Kbir mingħajr
permess wara li ma tħalliex itella’ mara abbord għax ma kellhiex permess. Il-
Kaptan kien ilu fuq il-baħar dawn l-aħħar ħames ġimgħat”.
Kien intqal li “dan l-inċident, ftit u xejn stramb għal Malta ġara għall-ħabta tas-
sagħtejn ta’ filgħodu meta l-Kaptan John Horan ta’ 53 sena, li kien ftit xurban,
talab li fuq il-vapur itella’ mara. Minħabba li din ma kellhiex permess, it-talba ġiet
miċħuda. Meta l-kaptan ra hekk, hedded lill-uffiċjali tad-Dwana li kien se jsalpa
għal Ruma. Aktar tard qalilhom li se jmur fil-baħar internazzjonali, barra l-ibħra
territorjali ta’ Malta. Il-permess biex joħroġ mill-Port il-Kbir ma ngħatax.”
“Minkejja dan, il-kaptan qabbad il-magni u beda ħiereġ barra mill-Port il-Kbir.
F’dan il-ħin, minn fuq it-Turretta tal-Palazz kienu qed isirulu sinjali biex ma joħroġx
mill-Port il-Kbir. Minnufih żewġ patrol boats tal-Forzi Armati ta’ Malta ħarbu wara
dan il-vapur ta’ l-irmonk. Meta ra hekk, il-Kaptan ordnalhom li jekk ma jitfgħux
l-‘ispot light’ li kienu qegħdin jixgħelu fuq il-vapur tiegħu, hu kien se jibqa’ dieħel
fuqhom u jgħarraqhom. Filfatt f’okkażjoni minnhom il-vapur tal-irmonk għadda
kważi jmiss minn mal-patrol boat. Sadanittant uffiċjali tad-Dwana irnexxielhom
jagħmlu kuntatt ma’ uffiċjal għoli ta’ l-Ambaxxata Amerikana f’Malta u talbuh
jintervjeni. Wara xi ħin li dan l-uffiċjal Amerikan għamel kuntatt bir-radju mal-
Kaptan, ikkalma kollox u l-vapur ta’ l-irmonk deher dieħel mill-Port il-Kbir. Matul iż-
żmien li l-kaptan tal-vapur kien f’kuntatt ma’ l-uffiċjali tad-Dwana u l-Patrol Boats,
hu nstema’ kemm il-darba jgħajjarhom ‘bummers’ u kliem offensiv ieħor”.
“Hekk kif il-vapur ta’ l-irmonk daħal fil-Port il-Kbir, il-Kaptan u l-First Mate inżammu
mill-Pulizija biex jgħinuhom fl-investigazzjoni dwar il-każ. Il-kaptan fil-fatt inżamm
sa ftit qabel nofsinhar, meta ġie mitluq u reġa’ mar lura fuq il-vapur. Il-Kaptan ta’
dan il-vapur ta’ l-irmonk wassal il-vapur Malta l-Erbgħa kmieni filgħodu wara li kien
salpa minn New Orleans fl-Istati Uniti ħames ġimgħat qabel. Dan il-vapur li
ssemma’ ‘Ċetta’ inxtara mill-Gvern Malti għas-somma ta’ miljun Dollaru Amerikan.
Ix-xiri sar bħala parti mill-ftehim li kien sar bejn il-Gvern Malti u dak Amerikan. Dan
il-vapur hu wieħed sofistikat ħafna, tant li fuqu hemm radar, televiżjoni u saħansitra
apparat għat-tifi tan-nar.”


