Bħal-lum 22 ta’ Awwissu tas-sena 1943 kien ġie pubblikat dan ir-ritratt ta’ tfal imutu bil-ġuħ. Dan kien seħħ fl-Indja meta din kienet kolonja tal-Ingliżi.
Il-Gvernatur ta’ Bengal kien ordna li r-ross f’Bengal jinġabar u jinqered fis-sena 1942 u dan biex iżommu milli jispiċċa għand l-għadu. Kienu kkonfiskati aktar minn 46,000 dgħajsa mingħand persuni tal-lokal u dan litteralment kisser l-industrija tas-sajd.
Ġara li l-awtoritajiet bdew jibdlu r-rotot tal-ikel lejn żoni rurali, li diġa kienu affettwati b’mod qawwi minħabba nuqqas ta’ ikel. Ir-rotot bdew jinbidlu biex imorru għal nies li bdew jitqiesu bħala ‘prijorità’. Dawn ma kienux persuni fqar imma kienu persuni sinjuri u nies ta’ ċertu edukazzjoni. Kienu persuni li kienu jaħdmu fl-industrija tal-armi u fis-servizz ċivili.
Seħħew għargħar u inqerdu ħafna uċuħ tar-raba’, xi ħaġa li l-amministrazzjoni Ingliża immexxija minn Winston Churchill ma ħaditx azzjoni fuqha minkejja li kellha twissijiet ta’ x’jista’ jiġri. Meta beda jinħass sew il-ġuħ u nuqqas ta’ ikel, l-gvern flok għen, beda jipprevjeni milli jintużaw riservi finanzjarji jew bastimenti biex ikun impurtat l-ikel. Apparti dan, baqa’ jesporta tunnellati ta’ ross lejn pajjiżi Ewropej.
B’din il-mewġa ta’ ġuħ kawżata mill-Imperu Ingliż mietu bejn 2 u 4 miljun persuna. Dan hu meqjus bħala mewġa ta’ nuqqas ta’ ikel kawżata mill-bniedem. Churchill kien kritikat ħafna dwar anke dwar dikjarazzjonijiet li kien għamel dwar x’jaħseb fuq l-Indjani.
Il-politika ta’ Churchill ikkontribwiet għall-kriżi ta’ ġuħ f’Bengal fis-sena 1943
Il-kriżi tal-ġuħ f’Bengal fis-sena 1943 kien l-uniku wieħed fl-istorja moderna tal-Indja li ma seħħx bħala riżultat ta’ nixfa serja jew ċirkostanzi naturali oħra. Dan kien irriżulta minn studju li jipprovdi appoġġ xjentifiku għal argumenti li l-politika Brittanika li kien mexxa Winton Churchill kienu fattur sinifikanti li kkontribwixxa għal din il-katastrofi.
Riċerkaturi fl-Indja u l-Istati Uniti ftit tas-snin ilu kien użaw informazzjoni meteoroloġika biex jagħmlu simulazzjoni ta’ l-ammont ta’ umdità fil-ħamrija matul sitt kriżijiet ta’ ġuħ fis-sub kontinent bejn is-sena 1873 u s-sena 1943. In-nuqqasijiet fl-umdità tal-ħamrija, ikkawżati minn xita fqira u temperaturi għoljin, huma indikatur ewlenin tan-nixfa.
Kien irriżulta li ħamsa mill-kriżiji ta’ ġuħ kienu marbutin ma’ żbilanċ sinifikanti fl-umdità tal-ħamrija. Żbilanċ ta’ 11 fil-mija imkejjel f’ħafna żoni fit-tramuntana tal-Indja fis-sena 1896-97, pereżempju, ħabat eżatt ma’ kriżi ta’ ġuħ u nuqqas ta’ ikel madwar il-pajjiż li kien wassal biex mietu xejn inqas minn 5 miljun persuna.
Madankollu, il-kriżi tal-ġuħ fis-sena 1943 f’Bengal, li wasslet biex mietu 3 miljun ruħ, kien differenti, skont ir-riċerkaturi. Għalkemm ir-reġjun tal-Lvant tal-Indja kien affettwat min-nixfa għal ħafna mis-snin 40, il-kundizzjonijiet kienu l-agħar fis-sena 1941, snin qabel l-akbar kriżi estrema tal-ġuħ. Dakinhar il-gazzetti bdew jippubblikaw stampi tal-nies litteralment imutu fit-toroq ta’ Calcutta. Il-pubblikazzjoni tar-ritratti kienet qiegħda ssir kontra x-xewqat tal-amministrazzjoni kolonjali Brittanika.
“Din kienet kriżi ta’ ġuħ unika, ikkawżata minn falliment tal-politika minflok minn xi falliment tal-monsun,” kien qal Vimal Mishra, ir-riċerkatur ewlieni u professur assoċjat fl-Istitut Indjan tat-Teknoloġija, Gandhinagar.
Il-provvisti tal-ikel lil Bengal tnaqqsu fis-snin ta’ qabel l-1943 minn diżastri naturali, infezzjonijiet fl-għelieqi u l-waqgħa tal-Burma f’idejn il-Ġappuniżi. Burma kienet sors ewlieni ta’ importazzjonijiet tar-ross.
Iżda l-ekonomista rebbieħ tal-Premju Nobel Amartya Sen kien argumenta fis-sena 1981 li xorta kellu jkun hemm biżżejjed provvisti biex jitma’ r-reġjun, u li l-imwiet tal-massa seħħew minħabba inflazzjoni fi żmien il-gwerra, xiri spekulattiv u ħżin ta’ provvisti ta’ ikel minħabba paniku, li flimkien imbottaw il-prezz tal-ikel għal-livelli għoljin ħafna u li dan ma setgħux jilħquh il-foqra li jgħixu f’Bengali.
Studji aktar reċenti argumentaw li l-ġuħ kien aggravat mid-deċiżjonijiet tal-Kabinett ta’ Winston Churchill fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.
Kienet ippreżentata evidenza li turi li Kabinett kien ġie mwissi ripetutament li l-użu eżawrjenti tar-riżorsi Indjani għall-isforz tal-gwerra jista’ jirriżulta fil-ġuħ, iżda għażel li jkompli jesporta r-ross mill-Indja lejn bnadi oħra fl-imperu.
L-istokks tar-ross komplew jitilqu mill-Indja anke meta Londra kienet qed tiċħad talbiet urġenti mill-Indja għal aktar minn miljun tunnellata ta’ provvisti ta’ qamħ ta’ emerġenza fis-sena 1942-43. Churchill ġie kkwotat li waħħal għall-kriżi tal-ġuħ fil-fatt li l-Indjani kienu qed “jitnisslu bħal fniek”, u staqsa kif, jekk in-nuqqasijiet kienu daqshekk ħżiena, Mahatma Gandhi kien għadu ħaj.
Kien indikat ukoll li l-“politika ta’ ċaħda” tal-Gran Brittanja fir-reġjun, fejn provvisti enormi ta’ ross u eluf ta’ dgħajjes ġew ikkonfiskati minn żoni kostali ta’ Bengal sabiex jiċħdu r-riżorsi lill-armata Ġappuniża f’każ ta’ invażjoni futura.
Matul il-kriżi ta’ ġuħ f’Bihar fis-sena 1873-74, il-gvern lokali mmexxi minn Sir Richard Temple wieġeb malajr billi importa ikel u wettaq programmi biex jgħin lill-foqra jixtru l-ikel.
Temple iżda ġie kkritikat ħafna mill-awtoritajiet Brittaniċi talli nefaq daqstant flus biex wieġeb għal dik il-kriżi. Bi tweġiba, huwa naqqas l-iskala tar-rispons sussegwenti għall-ġuħ fin-nofsinhar u l-punent tal-Indja u dan wassal biex ir-rati tal-mortalità żdiedu b’rata mgħaġġla.
Għalkemm il-popolazzjoni tal-Indja żdiedet bil-kbir mill-era kolonjali Brittanika ‘lhawn, il-pajjiż fil-biċċa l-kbira elimina l-imwiet minħabba l-ġuħ minħabba prattiċi ta’ irrigazzjoni aktar effiċjenti, titjib fir-rendiment taż-żerriegħa, sistema aktar b’saħħitha ta’ distribuzzjoni tal-ikel u benesseri u konnessjonijiet tat-trasport aħjar, li jippermettu li l-istokks tal-ikel ta’ emerġenza jiġu mċaqilqin malajr lejn żoni żvantaġġati.




