L-istorja tal-imblokk tal-Ark Royal milli tidħol fil-Port il-Kbir lejn l-aħħar ta’ Ġunju tas-sena 1988, kienet qajmet kontroversja u dak li twettaq minn grupp ta’ ħaddiema Maltin mit-tarzna, imbagħad kellu effett fi żjara oħra li l-Ark Royal għamlet wara fl-Awstralja. Ftit tas-snin ilu kien ġie għandi fl-uffiċċju l-mibki Karmenu Mifsud Bonnici. Ried li nagħmlu sensiela ta’ intervisti mal-protagonisti ta’ din il-ġrajja. Kienet ukoll ix-xewqa tiegħu li dan l-avveniment jibqa’ jitfakkar b’kitbiet fl-aħħar ta’ Ġunju, id-data ta’ meta seħħet il- ġrajja. Tajtu l-kelma li dan jibqa’ jsir kull sena.
Interessanti hu l-fatt li meta wieħed jara x’jikkummentaw il-baħrin li kienu abbord l-Ark Royal u konxji mill-imblokk tal-Port il-Kbir u l-folla ostili li kien hemm, issib li dawn l-istess baħrin litteralment ma jagħmlux riferenza għall-imblokk imma jikkummentaw fuq il-laqgħa kbira li kienu ngħataw f’San Pawl il-Baħar.

M Mackay jgħid li “niftakar li konna mistednin minn xi familja Maltija. Konna battalnielhom ir-reċipjenti tal-inbid li kellhom. Dak kien l-aqwa inbid li qatt doqt”.
Paul Manning jikkummenta li “jien kont fuq waħda mill-ewwel dgħajjes li niżlet l-art. Irkibna fuq wara ta’ trakk u dawruna max- xatt. Sirt inħobb lill-Maltin”.
C. Clarkson jikkummenta li “niftakar tajjeb dakinhar. Niftakar morna f’bar żgħir u rajna l-logħba bejn ir-Russja u l-Olanda fil-finali tal-Euro. Dakinhar Marco Van Basten skorja wieħed mill-isbaħ gowls tiegħu.”
Imma lil hinn minn dan u minkejja li anke baħrin li kienu abbord injoraw għalkollox l-imblokk tal-Port il- Kbir, konversazzjoni bejn il-Kaptan Harris u t-Turretta tikxef x’kien għaddej u kif ħassu l-kaptan.
Il-fatt li l-bastimenti Ingliżi b’armamenti nukleari ma daħlux fil-Port il-Kbir hu umiljazzjoni kemm għan-Navy Ingliża u kemm għall-Gvern Malti. Dan kien irriżulta minn dak li kien intqal is-Sibt filgħodu 24 ta’ Ġunju tas-sena 1988 mir-rappreżentant tal- Gvern fit-Turretta u l-kaptan tal-aircraft carrier HMS Ark Royal, Captain Harris.
Ir-rappreżentant tal-Gvern baqa’ jinsisti li l-bastiment jidħol fil-Port il-Kbir. Ir-rappreżentant tal-Gvern qal lill-Kaptan Harris li “għandu jsir minn kollox biex tidħlu fil-Port il-Kbir. L-iskali diġà sejrin f’Xatt il-Kurċifiss fejn se torbtu, kif jagħti s-sinjal il-Gvern, folla kbira ta’ Maltin se tmur fuq in-naħa tal-Belt Valletta biex tagħtikom merħba tremenda. Bid-dħul tagħkom f’port ieħor jew postponiment, kemm intom kif ukoll il-Gvern ikunu ġew umiljati”.
Mill-konversazzjoni kien irriżulta li kien il-kaptan Harris stess li insista li ma jidħolx fil-Port il-Kbir. Kien irriżulta li f’ħin minnhom il-Kaptan Harris qal lit-Turretta li jekk mhux se tittieħed deċiżjoni biex il-bastiment jidħol f’xi port ieħor, kien se jiddeċiedi jew ma jidħol imkien”.

Mill-konverżazzjoni rriżulta wkoll li l-forzi tas-sigurtà kienu mħejjijin għalkollox biex ixejnu l-protesti tal-ħaddiema tal-Maltin.
Ir-rappreżentant tal-Gvern informa lill-kaptan Harris li “l-folla se tkun imrażżna mill-forzi tas-sigurtà u mhux se jkun hemm periklu għa- likom. Il-forzi tas-sigurtàlesti għalihom anke bil-gass tad-dmugħ”.
Il-konverżazzjoni
Il-kaptan Harris: X’inhi l-pożizzjoni bħalissa?
Turretta: Kollox jinsab lest għad-dħul tagħkom fil- Port il-Kbir. Ir-rappreżentant tal-Gvern qed jgħid li kulma hemm fuq in-naħa tal-Isla hi folla ta’ ftit mijiet ta’ nies li tista’ tkun ostili.
Il-Kaptan Harris: Hemm possibilità li din il-folla titwarrab minn hemm?
Turretta: Ir-rappreżentant qed jgħid li aħjar ma jintervjenux il-forzi tas-sigurtà fuq din il-folla għax tista’ tiżviluppa konfrontazzjoni fil-port. Il-Gvern ma jafx x’għandhom lest u aħjar ma jiġux provokati. Mir-rapporti li għandna mill-ħelikopters, jidher li sempliċiment se tkun folla ostili għall-miġja tagħkom.
Il-Kaptan Harris: Jien jidhirli li issa hu l-mument li l-Gvern jibda jikkunsidra l-possibilità li nidħlu f’port ieħor jew għall-inqas nipposponu d-dħul bi ftit sigħat biex is-sitwazzjoni tiċċara ruħha. Nerġa’ ngħid kif diġà insistejt qabel, mhux unur għan-Navy tal-Maestà tagħha li tiġi insolentata u redikolata minn xi folla.
Turretta: Ir-rappreżentant tal-Gvern qed jinsisti li għandu jsir minn kollox biex tidħlu fil-Port il-Kbir. L-iskali digà sejrin f’Xatt il-Kurċifiss fejn se torbtu. Kif jagħti s-sinjal il-Gvern, folla kbir ta’ Maltin se tmur fuq in-naħa tal-Belt Valletta biex tagħtikom merħba tremenda. Bid- dħul tagħkom f’port ieħor jew posponiment, kemm intom kif ukoll il-Gvern ikunu ġew umiljati.
Kaptan Harris: Ikolli ninsisti li l-folla fl-Isla u l-Birgu titwarrab għax din tista’ tkun ta’ periklu għan-Navy tal-Maestà tagħha minħabba d-djuq tal-Port il-Kbir.
Turretta: Ir-rappreżentant tal-Gvern jinsisti li dan m’għandux isir u skont l-aħħar informazzjoni, din il-folla kibret ħafna u fit-toroq jidher moviment kbir fid-direzzjoni tal-Kottonera, jiġifieri t-tlett ibliet fuq ix-xellug tad-daħla tal-port. Il-folla se tkun i rażżna mill-forzi tas-sigurtà u mhux se jkun hemm periklu għalikom. Il-forzi tas-sigurtà lesti għalihom anke bil-gass tad- dmugħ.
Il-Kaptan Harris: X’inhi l-pożizzjoni bħalissa? Turretta: Jidher li qed tiżviluppa sitwazzjoni fejn se jsir attentat biex jerġa’ jiġi mblukkat il-Port il-Kbir. Imma għandek tkun ċert li l-forzi tas-sigurtà se jieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex ixejjen dan l-attentat.
Il-Kaptan Harris: Ninsisti informazzjoni eżatta fuq x’inhu għaddej. Intenni li n-Navy tal-Maestà Tagħha ma tistax tidħol f’konfront. Ma jista’ jittieħed l-ebda riskju għax jista’ jkun ta’ periklu kbir.
Turretta: Ir-rappreżentant tal-gvern qed jgħid li xi nies jidhru fuq tanker kbir Olympic Rainbow u jidher li dan it-tanker se jiċċaqlaq biex jimbokka l-port fuq ġewwa. Għandu informazzjoni li l-forzi tas-sigurtà se jattakkaw lil dawn in-nies u s-sitwazzjoni terġa’ tiġi għan-normal.
Il-Kaptan Harris: Ninsisti li jew jinstab port ieħor alternattiv jew ma nidħlu xejn.
Turretta: Ir-rappreżentant tal-Gvern qiegħed f’kuntatt mal-Prim Ministru li hu biss jista’ jiddeċiedi fuq il-miżuri li għandhom jittieħdu. Kif il-Prim Ministru jiddeċiedi, it-tagħrif nagħtuhulek.
Il-Kaptan Harris: Iż-żmien qiegħed jagħfas u rridu deċiżjoni malajr. Jien qiegħed f’kuntatt mal-uffiċjali ta’ fuqi u qed ninsisti biex fil-Port il-Kbir ma nidħolx.
Turretta: Hi x-xewqa kbira tal-Prim Ministru tagħna li jsir kull sforz biex tidħlu fil-Port il-Kbir. Il-forzi tas-sigurtà se jippruvaw jieħdu taħt idejhom it-tanker biex ip- poġġuh f’postu.
Il-Kaptan Harris: F’liema pożizzjoni jinsab it-tanker?
Turretta: Ir-rappreżentant qed jgħid li t-tanker qed jimblokka l-port bejn il-Ponta tal-Isla u Xatt il-Kurċifiss fejn kellkom torbtu. Diġà l-Gvern qed jaħseb biex torbtu xi mkien ieħor fil-Port il-Kbir, possibilment id-daħla tal-Kalkara.
Il-Kaptan Harris: Jekk id-deċiżjoni biex nidħlu f’port ieħor mhux ġejja minn naħa tagħkom, se neħodha jien, inkella ma nidħol imkien.
Turretta: ir-rappreżentant tal-Gvern qed jgħid li minn kif żviluppaw l-affarijiet bħalissa, jidher li l-forzi tas-sigurtà mhux qed jirnexxielhom jikkontrollaw is-sitwazzjoni fil-Port il-Kbir. Għadd kbir ta’ nies jinsabu fuq laneċ u laneċ tal-irmonk fil-port u qed joffru reżistenza qawwija lill-forzi tas-sigurtà. Hemm il-possibilità ta’ konfront u l-forzi jistgħu jiġu attakkati. Għaldaqstant il-Prim Ministru qed jikkonsidra li jirtira l-forzi tas-sigurtà u intom tidħlu f’port ieħor.
Il-Kaptan Harris: Nirringrazzja lill-Prim Ministru iżda jeħtieġ li jkollna deċiżjoni malajr għax għandi appuntament mal-ġurnalisti.
Turretta: Ir-rappreżentant tal-Gvern qed jgħid li l-Prim MInistru għadu kif iddeċieda li l-Port il-Kbir jingħalaq u proprju bħalissa qed intajru s-sinjal. Id-deċiżjoni ttieħdet li tidħlu f’San Pawl il-Baħar. Eluf ta’ Maltin se jintbagħtu hemm biex jagħtukom merħba.
Il-Kaptan Harris: X’garanzija jista’ jagħti l-Prim Ministru li hemmhekk mhux se jkun hemm folla ostili?
Turretta: Ir-rappreżentant tal-gvern qed jgħid li ngħataw struzzjonijiet biex it-toroq li jagħtu għal San Pawl il-Baħar min-Nofsinhar ta’ Malta jingħalqu biex il-folla fil-Port il-Kbir ma tkunx tista’ titla’ hemm.
Finalment l-Ark Royal spiċċa ma’ daħalx fil-Port il-Kbir u kellu jankra f’nofs il-bajja ta’ San Pawl il-Baħar.

