Monday, May 13, 2024

“Mhux ġust li tiġi kkastigata l-komunità kollha tal-Qawra” – L-FKNK

Aqra wkoll

B’reazzjoni għall-aħbar “Daqshekk kaċċa fil-ponta tal-Qawra”, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li b’din id-deċiżjoni l-gvern se jkun qiegħed “għar-raba’ darba jimponi kastig kollettiv fuq il-kaċċaturi”.

L-FKNK tkompli tgħid li mhuwiex ġust li minħabba illegalità li allegatament twettqet minn persuna waħda lbieraħ twassal biex tiġi kkastigata l-komunità kollha tal-post. 

Il-federazzjoni spjegat ukoll li l-gvern ħa din id-deċiżjoni mingħajr ebda konsultazzjoni mall-Kumitat Ornis kif kien legalment obbligat li jagħmel, qabel iddikjara ż-żona inkwistjoni bħala waħda fejn ma tistax tibqa ssir kaċċa. 

L-istqarrija tkompli tgħid li agħar minn hekk, tħabbar ukoll li din iż-żona ser tgħaddi għand il-BirdLife Malta biex tiżdied mall-bosta żoni oħra li diġà għandha din l-entità.

L-FKNK qiegħda tfakkar li lura fl-2015, il-gvern kien ħabbar li ma kienx se jibqa’ responsabbli minn ċertu deċiżjonijiet fejn il-kaċċaturi u n-nassaba jistaw jiġu kkastigati kollettivament u għadda tali deċiżjonijiet għal rakkommandazzjonijiet li jista’ jagħmel il-Kumitat Ornis. 

Intant il-Federazzjoni temmet tgħid li min-naħa tagħha se tkun qiegħda tinvestiga dwar x’passi legali tista’ tieħu b’rabta ma’ din id-deċiżjoni.

Sport