Sunday, November 24, 2024

Mhux ħatja li qatgħu widnejn kelb… Il-Qorti b’messaġġ ċar kontra interventi bħal dawn

Aqra wkoll

Tliet persuni ma nstabux ħatja li qatgħu widnejn kelb, bil-Qorti tibgħat messaġġ ċar kontra interventi bħal dawn.

Kelvin Magri, Josephine Magri u Andrew Magri kienu tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud fejn fost akkużi oħra huma kienu mixlija li f’April ta’ din is-sena ġiegħlu annimal isofri wġigħ bla bżonn, li naqsu milli jiżguraw il-ħtiġijiet tal-annimal li li jinkludu fost l-oħrajn provvista ta’ ambjent xieraq, li ppermettew li jsir intervent kirurgu għal raġunijiet ta’ tibdil fl-apparenza u li naqsu milli jirreġistraw l-annimal fil-pussess tagħhom.

Il-każ beda meta d-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali daħallu rapport ta’ qtugħ ta’ widnejn ta’ kelb. Min għadda l-informazzjoni kien prova dak li kien qiegħed jallega permezz ta’ ritratti tal-kelb qabel u wara l-imsemmi intervent.

L-awtoritajiet identifikaw il-kelb u l-uffiċjali mid-Dipartiment konċernat għamlu spezzjoni fejn jgħixu t-tliet imputati. Il-kelb li kien jidher fir-ritratt instab li kien qiegħed jinżamm f’kundizzjoni sewwa ħafna tant li kien jgħix f’kamra bl-arja kkundizzjonata.

Min-naħa tiegħu l-imputat Kelvin Magri ammetta li l-kelb ma kienx irreġistrat skont ir-regolamenti dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-klieb. Madanakollu huwa ċaħad dwar l-intervent f’widnejn il-kelb u qal li dan kien diġà hekk meta ġabu missieru u li b’hekk jekk il-kelb fir-ritratti esebiti kien l-istess wieħed, l-intervent kien sar minn ħaddieħor.

Il-Maġistrat Joe Mifsud għamilha ċara li l-qorti ma taqbilx li jsiru interventi simili u li min jinqabad jagħmilhom għandu jbati l-konsegwenzi kollha relatati. Żied jgħid li f’dan il-każ, il-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-akkużi fil-konfront tal-imputati billi fost l-oħrajn ma nġabitx prova minn fejn ittieħdu r-ritratti esebiti. Barra minn hekk l-uffiċjali Gerald Ebejer u Elaine Camilleri xehdu dwar l-istat tajjeb li nstab fih il-kelb.

B’hekk huwa kkonkluda li l-imputati Josephine u Andrew Magri jiġu liberati, filwaqt li Kelvin Magri ġie ordnat iħallas multa ta’ €300 wara li naqas li jirreġistra u joħroġ liċenzja lill-annimal fil-pussess tiegħu. 

Sport