Sunday, January 12, 2025

Mhux se nħallu lil min jabbuża aktar mill-għodod tal-Ġustizzja

il-Prim Ministru Robert Abela f’rally f’Kordin

Aqra wkoll

“Kont ċar u se nerġa’ nkun ċar. L-ebda gideb, konġuri jew kumplotti kontrina mhu se jitħallew għaddejjin aktar. Mhux se nħallu lil min jabbuża aktar mill-għodod tal-ġustizzja biex mingħalih idejn il-ġustizzja ma jilħqux lilu. Għax dak hu l-akbar abbuż tal-ġustizzja.”

Dikjarazzjoni mill-aktar b’saħħitha li għamel il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qiegħed jindirizza rally f’Kordin li mmarka l-ħames snin tiegħu fit-tmexxija tal-partit u fit-tmun ta’ dan il-pajjiż.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru stqarr li rridu naraw li jkun hemm ir-rimedji kollha meħtieġa biex min jigdeb u jikkalunja lin-nies u lin-negozji b’mod malinn, min jabbuża u jixħet tant nies f’inkjesti billi jinqeda u jirkeb fuq il-qafas legali antik li hu nieqes mis-salvagwardji bażiċi għal min jisfa vittma ta’ dawn l-attakki abbużivi, irid huwa jaffaċċja l-ġustizzja.

“Imma aktar minn hekk”, kompla jgħid Dr Abela, “dan l-abbuż ta’ min jirkeb fuq in-nuqqas ta’ salvagwardji minħabba qafas legali ħażin irridu naqtgħuh darba għal dejjem. Ma niflaħx nara aktar persuni, li biċ-ċar huma innoċenti, li jiġu mkaxkra għal snin twal quddiem il-Qorti għalxejn.”

“Għiduli intom, aħna nistgħu nippermettu li r-reputazzjoni tajba ta’ nies integri li taw ħajjithom lejn l-istat, li taw servizz leali lejn l-istat, tiġi mkissra minn min irid jirbaħ il-poter akkost ta’ kollox u lest jagħmel minn kollox biex jasal fejn irid?”.
Il-Prim Ministru enfasizza li “dmirna huwa li nirriformaw il-liġi biex dan l-abbuż li jissallbu n-nies għalxejn jieqaf darba għal dejjem. Aħna qatt ma bżajna nwettqu riformi li għandhom mis-sewwa. Aħna l-Gvern li rajna li jkun hawn indipendenza fl-istituzzjonijiet tagħna.”

Huwa tenna wkoll li lill-Ministri Clint Camilleri u Silvio Schembri, u lil dawk kollha li huma fil-mira tal-politika tal-mibegħda talli qed iwettqu l-ħidma u l-politika tal-Gvern, “ngħidulkom li aħna kollha magħkom. Jiena magħkom u mhux se nħallukom waħedkom. Il-linja l-ħamra darba tinqabeż miegħi u issa nqabżet kompletament. Dan Gvern li se jkun wara kull min huwa ta’ rieda tajba u jaħdem bis-sewwa.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport