Sunday, December 22, 2024

Miċħuda t-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-ħames persuni akkużati li aggredew żewġ Kuntistabbli fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ ħames persuni mixlija li darbu żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija fil-Ħamrun.

Il-każ seħħ nhar il-21 ta ‘ Settembru li għadda fi Triq il-Kbira San Ġużepp. L-imputati huma Elton Anthony Borg, Kurt Borg, Redeimen Aquilina, Christian Mansueto u Erika Borg.

Fid-digriet tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella kkunsidrat fl-ewwel lok in-natura serja tar-reati li bihom huwa jinsabu akkużati l-imputati.

Qalet li m’hemmx dubju mis-serjetà u gravità tal-akkużi li qed jaffaċċjaw ir-rikorrenti u dan mhux biss in kwantu tan-natura tal-istess allegati reati iżda wkoll inkwantu li qed nitkellmu dwar allegata aggressjoni fuq uffiċjali pubbliċi inkarigati miż-żamma tal-bon ordni, mill-preservazzjoni tal-paċi pubbliku u għalhekk ukoll mis-sigurtà u s-serħan tal-moħħ tal-pubbliku inġenerali, liema allegata aggressjoni seħħet ukoll waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Jirriżulta wkoll mir-risposta u mis-sottomissjonijiet tal-Avukat Ġenerali, illi l-investigazzjonijiet f’dan il-każ għadhom għaddejjin.

“Fiċ-ċirkostanzi tal-każ fejn jidher li ma nfetħet l-ebda inkjesta l-Qorti tqis illi allura hija l-investigazzjoni tal-Pulizija biss illi tista’ tippreserva l-evidenza li tista’ tirrizulta fil-konfront tal-imputat.

“Illi in partikolari l-għajbien tal-bodycam ta’ wieħed mill-kuntistabbli li allegatament ġew aggrediti huwa inkwetanti u l-Qorti tqis illi f’dan l-istadju bikri tal-proċeduri, għandu jingħata żmien sabiex l-investigazzjoni li skont il-Prosekuzzjoni għada għaddejja, tkun tista’ titkompla mingħajr ebda tfixkil u mingħajr ebda intralċ tal-provi.

“Detto dan kollu dan ma jfissirx li l-Uffiċjal/i Investigattiv/i għandu/hom ikaxkar/kru saqajh/hom sabiex din l-investigazzjoni tiġi finalizzata u magħluqa kemm jista’ jkun malajr.

“Illi in oltre l-Qorti tqis illi l-għajbien tal-imsemmija bodycam qed toħloq preġudizzju serju fil-kors tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, minħabba illi tali bodycam tista’ titfa’ aktar dawl fuq dak li ġara u tgħin sabiex toħroġ il-verita kollha ta’ dak li ġara, u dan kemm favur kif ukoll kontra l-imputat tenut kont tal-prinċipju illi l-Prosekuzzjoni għandha tressaq kull prova għad-dispożizzjoni tagħha fil-kors tal-proċeduri, kemm kontra iżda ukoll favur l-istess imputati,” tenniet il-Qorti.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati u baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elisia Scicluna flimkien mal-Avukat Jennifer Polidano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Għall-imputati dehru l-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Mario Mifsud, Jacob Magri, Matthew Xuereb, Charles Mercieca, Alex Scierri Herrera u Nicholas Mifsud. L-Avukat Herman Mula qed jidher għaż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija li kienu aggrediti.

Ekonomija

Sport