Wednesday, April 2, 2025

Miċħuda t-talba ta’ erba’ persuni biex ma jkunux żgumbrati mill-Forti Bengħajsa

Aqra wkoll

Imħallef ċaħdet it-talba ta’ erba’ persuni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni sabiex l-Awtorità tal-Artijiet ma tiżgumbrahomx mil-Forti Bengħajsa. 

Luigi Vella, Julian Vella, George Louis Vella u Joelene Grima kienu talbu lill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili sabiex iżżomm lill-Awtorità milli tiżgumbrahom mill-imsemmija forti.

Huma kienu saħqu li għandhom titolu validu fuq il-plot mertu tal-mandat odjern, liema titolu jgħidu li huwa saħansitra rikonoxxut mill-Awtorità tal-Artijiet, li talbithom iħallsu (u aċċettat) l-kirja fuq il-plot sa Marzu 2025. 

Mill-banda l-oħra, l-Awtorità argumentat li huma m’għandhom l-ebda titolu fuq il-plot mertu tal-mandat. Dan minħabba li, primarjament, il-plot kienet inkriet lil Luigi Vella biss, u kienet inkriet għal skopijiet kummerċjali, jiġifieri għat-trobbija ta’ baqar għall-ħalib, u mhux għal skop residenzjali. 

L-Imħallef Audrey Demicoli laqgħet l-argument tal-Awtorità tal-Artijiet, fejn qalet li l-kuntratt jagħmilha ċara li l-proprjetà kienet qed tiġi mikrija sabiex “tintuża għat-trobbija tal-baqar tal-ħalib biss” u fil-fatt ġew indikati wkoll b’mod speċifiku l-kundizzjonijiet li fihom kellha tinżamm il-proprjetà kkunsidrat l-iskop illi għalih kien qed jinkera l-plot.

Innotat ukoll li irrispettivament mill-fatt li huma xorta waħda ppersistew u ħallsu l-kera għall-perjodu bejn Settembru 2024 u Marzu 2025, din il-Qorti ma kinitx tal-fehma li dan il-fatt seta’ b’xi mod jagħti lir-rikorrenti titolu fuq il-plot tal-mandat odjern. 

“Dan aktar u aktar minħabba l-fatt li r-rikorrenti stess isostnu li, wara li rċevew l-ittra uffiċjali, huma talbu sabiex jingħataw proprjetà alternattiva, anke jekk effettivament ma ġabux prova sabiex jissostanzjaw din is-sottomissjoni tagħhom,” qalet il-Qorti. 

Kien għalhekk li l-Qorti kkonkludiet li ma jissussistix l-ewwel element rikjest sabiex tintlaqa’ b’mod definittiv it-talba tar-rikorrenti, minħabba li ma ġiet sodisfaċentement pruvat li r-rikorrenti għandhom dritt prima facie li ma jiġux żgumbrati mill-proprjetà mertu tal-mandat. 

B’hekk, ċaħdet it-talba tal-erba’ persuni. 

Sport