Mikael Silvestre, eks difensur ta’ Manchester United, Arsenal u Franza, tkellem b’mod qawwi kontra t-tmexxija ta’ Gianni Infantino bħala president tal-FIFA. Silvestre ilu kważi għaxar snin jaħdem mal-FIFA, fost l-oħrajn fuq inizjattivi kontra r-razziżmu, iżda qal li sensiela ta’ avvenimenti wassluh biex jitlef il-fiduċja fit-tmexxija tal-organizzazzjoni.
Huwa semma’ l-Kungress tal-FIFA fil-Paragwaj fl-2025, fejn Infantino wasal tard wara li pprijoritizza żjara fil-Golf u laqgħat ma’ Donald Trump.
Silvestre qal ukoll li l-ħolqien tal-“FIFA Peace Prize” għal Trump qajjem tħassib fost diversi nies fi ħdan il-FIFA, speċjalment minħabba li l-organizzazzjoni suppost hija waħda mhux politika.
Kritika oħra kienet dwar il-prezzijiet għoljin tal-biljetti għat-Tazza tad-Dinja, li skont Silvestre setgħu jżommu lill-partitarji ’l bogħod mill-akbar tournament tal-futbol fid-dinja.
Huwa semma wkoll id-deċiżjoni kontroversjali li tneħħiet is-sospensjoni ta’ Cristiano Ronaldo u aktar tard dik ta’ Folarin Balogun, li ppermettietlu jilgħab mal-Istati Uniti kontra l-Belġju.
Madankollu, l-akbar daqqa għall-fiduċja tiegħu kienet ir-rivelazzjoni dwar pjan biex 20% tat-Tazza tad-Dinja jinbiegħ lil investituri privati. Silvestre qed jitlob investigazzjoni indipendenti u aktar kontabbiltà, u jemmen li Infantino għandu jwarrab.
Huwa qed jappella wkoll għal riformi fil-FIFA, inkluż aktar involviment ta’ eks players fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Minkejja li jaf li jista’ jitlef ir-rwoli tiegħu mal-FIFA, Silvestre qal li ma setax jibqa’ sieket, għax jemmen li “l-għan ma jiġġustifikax il-mezzi”.




