Imsaħħa l-kapaċità tal-faċilitajiet korrettivi b’binja f’Ħal Far

Aqra wkoll

Fil-jiem li ġejjin mistennija tkun lesta binja ġdida f’Ħal Far li għandha sservi bħala estensjoni tal-ħabs. Ix-xogħlijiet, li qed isiru minn ħaddiema tal-ħabs stess u persuni fil-ħabs, jinsabu fi stadju avvanzat ħafna.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield żar din il-binja u rringrazzja personalment lil kull min kien qed jaħdem biex tkun tista’ tibda tintuża bla dewmien billi n-nies fil-ħabs qed jiżdiedu kuljum. “Dan qed isir grazzi għall-ħidma li qed twettaq il-Pulizija, li qed tressaq aktar nies quddiem il-ġustizzja u dan joħloq pressjoni fuq il-ħabs,” qal il-Ministru Glenn Bedingfield.

F’din il-binja ġdida mistennija jintbagħatu mat-30 persuna li jkunu lejn l-aħħar xhur tas-sentenza tagħhom. Il-post huwa mgħammar tajjeb u bl-istess kundizzjonijiet li hemm fil-Ħabs ta’ Kordin. Il-binja tifforma parti miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni.

F’Kordin bħalissa hemm mat-800 persuna. Il-Ministru Bedingfield  qal “Ma nistgħux ninjoraw il-fatt li għandna faċilità li nbniet fl-1850, kważi mitejn sena ilu, u minkejja li matul is-snin saru diversi xogħlijiet u żviluppi, hemm limitazzjonijiet inerenti fl-istruttura u fl-ispazju disponibbli”.

Għalhekk, matul dawn l-aħħar ġimgħat, saru diversi diskussjonijiet u ppjanar biex jiġu identifikati soluzzjonijiet konkreti li jindirizzaw il-pressjoni fuq il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u fl-istess waqt ikomplu jtejbu l-infrastruttura u l-faċilitajiet disponibbli għall-persuni inkarċerati.

Il-Ministru żied jgħid illi “Il-prijorità tagħna hija ċara: irridu nassiguraw is-sigurtà fil-faċilitajiet korrettivi, filwaqt li nagħtu kundizzjonijiet xierqa lil kull persuna li tinsab inkarċerata. Se nkomplu nieħdu l-miżuri meħtieġa biex nindirizzaw il-pressjoni li teżisti fuq Kordin u nkomplu ninvestu f’infrastruttura li tirrifletti r-realtajiet tal-lum”.

Huwa saħaq li kull miżura li qed tittieħed fil-qasam korrettiv qed issir bir-rispett sħiħ tal-obbligi legali Maltin u tal-konvenzjonijiet Ewropej li Malta hija firmatarja tagħhom.

“Is-sigurtà u l-kundizzjonijiet xierqa mhumiex għażla, huma responsabbiltà tagħna. Se nkomplu naħdmu biex ikollna sistema korrettiva aktar sigura, aktar effiċjenti u li kapaċi tirrispondi għall-isfidi li qed tiffaċċja,” stqarr il-Ministru Bedingfield.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport