Friday, May 9, 2025

Min hu l-Papa Ljun XIV?

Aqra wkoll

Il-Kardinal Robert Francis Prevost, O.S.A., kien il-Prefett tad-Dikasteru għall-Isqfijiet u Arċisqof-Isqof Emeritu ta’ Chiclayo. Twieled fl-14 ta’ Settembru 1955 f’Chicago (Illinois, l-Istati Uniti). Fl-1977 daħal fin-novizzjat tal-Ordni ta’ Santu Wistin (O.S.A.) fil-Provinċja tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, f’Saint Louis. Fid-29 ta’ Awwissu 1981 huwa għamel il-wegħdiet solenni tiegħu. Studja fl-Unjoni Teoloġika Kattolika ta’ Chicago fejn irċieva diploma fit-teoloġija.

Fl-età ta’ 27 sena ntbagħat Ruma mill-Ordni biex jistudja l-liġi kanonika fl-Università Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Aquino (Angelicum). Huwa rċieva l-ordinazzjoni saċerdotali fid-19 ta’ Ġunju 1982. Rċieva l-liċenzjat tiegħu fl-1984, u mbagħad intbagħat jaħdem fil-missjoni ta’ Chulucanas, f’Piura, il-Perù (1985-1986).

Fl-1987 ingħata dottorat bit-teżi: Ir-rwol tal-pirjol lokali fl-Ordni ta’ Santu Wistin. Fl-istess sena ntagħżel bħala direttur tal-vokazzjonijiet u direttur tal-missjonijiet tal-provinċja Agostinjana ta’ ‘Omm il-Parir Tajjeb’ ta’ Olympia Fields, Illinois, l-Istati Uniti tal-Amerika.

Fl-1988 intbagħat fil-missjoni ta’ Trujillo bħala direttur tal-proġett ta’ formazzjoni konġunta għall-aspiranti Agostinjani fil-Vikarjati ta’ Chulucanas, Iquitos u Apurímac. Hemmhekk serva bħala pirjol tal-komunità (1988-1992), direttur tal-formazzjoni (1988-1998) u għalliem tal-professi (1992-1998). Fl-arċidjoċesi ta’ Trujillo kien vigarju ġudizzjarju (1989-1998), u professur tal-liġi kanonika, patristika u morali fis-Seminarju Maġġuri “San Carlos e San Marcelo”.

Fl-1999 ġie elett provinċjal tal-provinċja “Mother of Good Counsel”, Chicago. Wara sentejn u nofs, il-Kapitlu Ġenerali Ordinarju eleġġih priori ġenerali, ministeru li reġa’ ġie fdat lilu fil-Kapitlu Ġenerali Ordinarju tal-2007.

F’Ottubru 2013 rritorna lejn il-provinċja tiegħu (Chicago) biex iservi bħala għalliem tal-professi u vigarji provinċjali. Dawn il-ministeri baqa jaqdi fihom sat-3 ta’ Novembru 2014, meta l-Papa Franġisku ħatru amministratur appostoliku tad-djoċesi ta’ Chiclayo, il-Perù, elevah għad-dinjità ta’ isqof u assenjah id-Djoċesi Titulari ta’ Sufar.

Fis-7 ta’ Novembru ħa pussess kanoniku tad-djoċesi fil-preżenza tan-Nunzju Appostoliku James Patrick Green. Ġie ordnat isqof fit-12 ta’ Diċembru, Festa tal-Madonna ta’ Guadalupe, fil-katidral tad-djoċesi tiegħu. Huwa serva bħala Isqof ta’ Chiclayo mis-26 ta’ Novembru 2015. F’Marzu 2018 sar wieħed mill-viċi presidenti tal-Konferenza Episkopali Peruvjana.

Il-Papa Franġisku ħatru membru tal-Kongregazzjoni għall-Kleru fl-2019, u membru tal-Kongregazzjoni għall-Isqfijiet fl-2020.

Fil-15 ta’ April 2020, il-Papa ħatru amministratur appostoliku tad-Djoċesi ta’ Callao.

Fit-30 ta’ Jannar 2023 il-Papa Franġisku ħatar lill-Kardinal Prevost bħala Prefett tad-Dikasteru għall-Isqfijiet u President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika Latina.

Inħatar Kardinal mill-Papa Franġisku fil-Konsistorju tat-30 ta’ Settembru 2023, bit-titlu djakonali ta’ Santa Monica.

Il-Kardinal Prevost kien membru ta’:

  • Id-dekasteri: l-Evanġelizzazzjoni, is-Sezzjoni għall-Ewwel Evanġelizzazzjoni u l-Knejjes partikolari l-ġodda; id-Duttrina tal-Fidi; il-Knejjes tal-Lvant; il-Kleru; l-Istituti tal-Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet tal-Ħajja Appostolika; il-Kultura u Edukazzjoni; it-Testi Leġiżlattivi;
  • Il-Kummissjoni Pontifiċja għall-Istat tal-Belt tal-Vatikan.
Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport