Thursday, April 18, 2024

“Min qed jipprova jħarbat il-pipeline bżonjuż bejn Sqallija u Malta jrid jagħmel ħsara lill-poplu Malti”

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qal li min qed jipprova jħarbat il-pipeline li għandna bżonn bejn Sqallija u Malta jrid jagħmel ħsara lill-poplu Malti u lill-pajjiżna. 

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, Bartolo qal li l-poplu tagħna għandu bżonn dan il-pipeline biex itejjeb ħajtu fis-snin li ġejjin. 

Huwa qal: “Min jobgħod lill-Partit Laburista iżjed milli jħobb lil Malta jrid iħarbat t-tqegħid ta’ dan il-pipeline.  Bħas-soltu min irid iweġġa’ l-kaptan tal-vapur qed jispiċċa jwegga’ lil kull min jinsab fuq il-vapur, lill-familji tagħna li jgħixu f’dan il-pajjiż.”

Il-Ministru Bartolo żied jgħid: “Għaliex għandhom jeħlu l-familji li jridu jgħixu u jaħdmu bil-kwiet? X’jaħtu l-familji? Kif qal il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ: il-Partit Laburista jħobb lil Malta dejjem, mhux meta jkun fil-gvern biss.”

L-interkonnesjoni bi-direzzjonali b’pipeline ta’ 159km proposta bejn Malta u l-Italja, għandha tiġi installata bejn Delimara u Gela, Sqallija.

Kien intqal li l-proġett ser jgħaqqad lil Malta man-netwerk Ewropew u ser jikkontribwixxi biex jintegra s-suq intern ewropew.

Ekonomija

Sport