Monday, May 13, 2024

Minn ċajta, għall-ħolma, għal realtá … jagħmlu b’suċċess ġirja ta’ 100km

Aqra wkoll

Kollox beda waqt naqra ta’ kolazzjon bejn tliet iħbieb wara l-ġirja t-twila ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Kien f’dan il-waqt li wieħed minnhom, Mario, wera x-xewqa li jagħmel ġirja twila għall-okkażjoni ta’ għeluq sninu. Frank Fenech u Julian Borg mill-ewwel urew l-interess għalkemm għall-bidu ma qablux rigward id-distanza, rotta u żmien meta kellha titwettaq. Wara ftit żmien ta’ diskussjoni bejniethom lkoll qablu u minn hemm bdiet it-triq ta’ preparazzjoni biex flimkien jaslu jwettqu t-tir tagħhom, dik ta’ ġirja ta’ 100km. 

Immedjatament ikkuntatjaw lill-coach tagħhom, Nick Anderson, li ma qatalhomx qalbhom, anzi, inkorraġihom u lestilhom pjan speċifiku għall-ġirja bhal din. Kienu tliet xhur ta’ sagrifiċċji, nuqqas ta’ rqad u impenn kontinwu b’sessjonijiet twal fil-ġranet sħan tas-sajf, lejl u nhar. Madankollu, huma ħassewhom fortunati li sabu sapport kbir kemm mill-atleti membri tal-club tagħhom kif ukoll mill-familja tagħhom. Hekk kif ir-rotta ġiet imfassla, it-tliet atleti bdew jitħarrġu biex ikunu ppreparati għal diffikultajiet u ostakli li setgħu jiltaqgħu matulha. F’dawn iż-żminijiet ippruvaw ukoll xi tip ta’ ikel u xorb li l-aktar jaqbel magħhom u darrew lil ġisimhom jieklu waqt li jiġru.

Il-ġirja kienet pjanata għall-lejl ta’ bejn il-Ħamis 2 u l-Ġimgħa, 3 ta’ Settembru, imma sfortunatament il-pjan tħarbat minħabba li tnejn mill-atleti ġew pożittivi għall-Covid19 ġimgħa qabel, allura kellha tiġi posposta. B’mod jew ieħor it-taħriġ baqa’ għaddej matul il-perjodu li kienu kwarantina permezz tal-użu tat- threadmill u b’hekk ma tilfu xejn mit-taħriġ li kienu wettqu. Fil-ġranet ta’ wara  meta ssoktaw it-taħriġ flimkien ippjanaw id-data l-ġdida, li kienet is-Sibt 9 ta’ Ottubru.

Il-ġurnata ta’ din l-isfida ta’ dawn it-tliet atleti bdiet billi ltaqgħu fit-3:30am ġewwa Ta’ Qali flimkien ma’ ħbieb u qraba li kienu se jakkumpanjawhom permezz ta’ roti u karozzi. Dawn kienu meħtieġa biex jissupplixxu ikel u xorb tul il-100km. L-avventura bdiet fl-4am u mill-ewwel irħewlha lejn l-Imġarr u għat-telgħa tal-Manikata. Minn hemm ġrew lejn dawn id-diversi rħula, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Sliema, il-Belt Valletta, Marsa, it-Tliet Ibliet, Marsaskala, Zejtun, Birzebbugia, Ħal-Far, Zurrieq, Siġġiewi u lura għal Ta’ Qali minn fejn kienu bdew. Matul l-ewwel tliet siegħat huma grew fid-dlam u kif missew is-sitt siegħa ġiri, ix-xemx u d-distanza bdew jagħmlu tagħhom imma b’determinazzjoni u s-sapport li kellhom mingħand tar-roti u l-karozzi li kienu magħhom ma kien hemm ebda mument li għaddielhom minn moħħhom li jċedu. Tul ir-rotta rnexxielhom iżommu ma’ pass tajjeb ħafna, li anzi kien aħjar milli stennew. Meta kienu qed joqorbu lejn l-aħħar tal-ġirja l-atleti stqarrew li l-aħħar 10km ma riedu jispiċċaw qatt. X’ħin daħlu Ta’ Qali sabu jistennewhom numru sabiħ ta’ membri mill-club tagħhom tal-Mellieħa AC li flimkien iċċelebraw dawk il-mumenti ta’ sodisfazzjon għalihom.

Għal dawn it-tliet atleti, din kienet rebħa personali u li għamlitilhom aktar kuraġġ biex iwettqu sfidi akbar li għandhom ippreparati fil-futur qrib.  

Sport