Monday, December 9, 2024

Missjurnarji Maltin b’ħidma biex itaffu faqar estrem fl-Afrika… salvati trabi u bniet abbużati

… Edukazzjoni u għajnuna lil tfal u familji li m’għandhom xejn ħlief art vojta

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-imħabba u l-paċi, minkejja l-faqar estrem u tbatija li hemm, huma r-raġunijiet ewlenin għala Myra Baldacchino mill-2016 bdiet u baqgħet titla’ b’mod regolari f’pajjiżi foqra fl-Afrika. Kien proprju f’waħda minn dawn il-missjonijiet li ġiet salvata t-tarbija Catherine minn mewta ċerta.

Magħha hemm lista ta’ tfal oħra li ġew salvati fosthom Nathan li kien nofsu pparalizzat u bil-kura sejjer tajjeb ħafna, Angela vittma ta’ stupru u ħarġet tqila, Celio li minn faqar estrem issa huwa fost l-aqwa studenti fi skola li bnew il-missjunarji Maltin u Naillande. Din tal-aħħar hija l-aktar storja ta’ suċċess għax instabet kważi mejta, għadma u ġilda b’saqajha miksurin tgħix mal-art. Illum Naillande tgħix b’dinjità f’orfanatrofju u għamlet ħafna progress.

Għalina l-Maltin il-kelma faqar fl-Afrika nassoċjawha ma’ nuqqas ta’ ikel jew nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ ilma, però, hekk kif tgħid lil IT-TORĊA Baldacchino, il-faqar fl-Afrika jmur ħafna aktar lil hinn u estremità hekk kif tfal, adoloxxenti, adulti u anzjani f’żoni partikolari lanqas biss huma rreġistrati. Għall-gvern lokali dawn ma jeżistux. Daqskemm ma jeżisti xejn aktar madwarhom. 

Kull m’għandhom dawn in-nies hija l-art niexfa li jirfsu fuqha. Imutu b’malnutrizzjoni, imutu minħabba nuqqas ta’ kura medika meħtieġa u jmutu anke jekk sempliċiment jitlagħlhom id-deni għax panadols u lanqas spiżeriji ma jeżistu. Minkejja din it-tbatija kollha, hekk kif bid-dmugħ f’għajnejha tas-sensazzjoni ta’ ferħ li tħoss meta titkellem dwar l-esperjenzi tagħha fl-Afrika, Baldacchino tgħidilna kemm hemm paċi u imħabba f’dan il-kontinent fqir. Kif mill-ftit li jagħtuhom, anke sempliċi lolipop, tkun qisek tajthom id-dinja.

Myra Baldacchino, bint Joe u Carmen tal-Greenfields, fil-professjoni tagħha taħdem fil-midja. Kien proprju l-fatt li bdiet tara u taħdem il-maraton għall-ġbir ta’ fondi “Maratona Missjoni” li daħlet fid-dinja kontrastanti minn tagħna tal-Afrika. 

“L-imħabba li jagħtuk hija kbira u sabiħa wisq”

L-esperjenza missjunarja ta’ Baldacchino bdiet meta fl-2013 iltaqgħet għall-ewwel darba ma’ Dun Ġwann Farrugia tal-Fondazzjoni U. “Kien hawn li bdejt naħdem miegħu fil-maratoni b’risq il-missjoni li l-flus li jinġabru fihom imorru għall-pajjiżi tal-missjoni. Sena wara l-oħra kont nara u naħdem b’risq il-missjoni. Dan sa meta fl-2016 kien ġie Dun Ġwann fejn staqsa lili u lil tlieta oħra jekk irridux nitilgħu niġbdu filmati tal-missjoni u fl-istess ħin naraw x’hemm”.

Kien hawn li Baldacchino telgħet għall-ewwel darba missjoni fl-Afrika fejn spjegat li, “minn dakinhar ma waqaftx. Kont nitla’ niġbed il-filmati għall-missjoni ma’ Dun Ġwann u mbagħad bdejt nitla’ ma’ gruppi oħra speċjalment ma’ Mariella tal-Love and Peace. Għandna ħafna proġetti għaddejjin tant li ġieli anke mort tliet darbiet fis-sena. Il-paċi li hemm fl-Afrika tiġbidni wisq. L-ewwel darba li mort ħassejt emozzjonijiet kbar. Jien mort hemmhekk b’xi ħaġa tal-flus li tawni n-nies u xi ħaġa li kelli jiena biex ngħin iżda, kif wasalt, staqsejt lili nnifsi, lil min se ngħin? Hemm dawk it-tfal kollha… Xtrajt il-lolipops u kieku taf kemm ferħu għal din in-naqra lolipop. Qisni tajthom xi Iphone. Huma m’għandhom xejn imma l-imħabba li jagħtuk hija wisq sabiħa. Jiġifieri, inti tmur hemmhekk fejn mingħalik se tgħin lilhom meta fil-verità, huma jagħtuk ħafna lura għax jagħtuk l-imħabba, kuntenti u japprezzaw kollox. Għadhom imħabba kbira. Jekk tajt ħelwa lil waħda araha tmur taqsamha ma’ ħutha”.

L-aktar pajjiż li Baldacchino tmur fih hija l-Kenja fejn iddur postijiet differenti fosthom Ekalakala fejn għamlu proġett kbir li minn żona li ma kien fiha xejn, mill-2016 sal-lum 2024 mhux talli għamlu skola li tilqa’ 450 studenti, saru wkoll żewġ dormitorji fejn jilqgħu total ta’ 80 tfal li jgħixu, jieklu u jagħmlu kollox hemmhekk. Din tieħu ħsiebhom il-Fondazzjoni U. Riċentement l-iskola għamluha awto suffiċjenti u hekk kif spjegatilna din il-missjunarja, “jgħixu bl-affarijiet tagħhom stess. Għandhom l-ikel. Almenu m’għandhomx bżonn jixtru kollox”.

Tagħlim ta’ snajja’ għal futur aħjar

Il-ħidma għal edukazzjoni għal dawn it-tfal tkompli hekk kif Baldacchino ħabbret li, “issa bdejna naħsbu għal xi ħaġa oħra. Fil-mument, kif inhi, l-aqwa ħamsa tal-klassi nibagħtuhom edukazzjoni ta’ livell Sekondarja. Dan għax ma tistax tibgħat lil kulħadd minħabba li trid tħallas. Imma, li qegħdin nagħmlu huwa li lil dawk il-ħamsa nibagħtuhom u lill-oħrajn inżommuhom fl-iskola fejn għamilna klassijiet oħra li fihom qegħdin jitgħallmu snajja’ different. B’hekk, almenu, jibqgħu xorta jiġu l-iskola u jieħdu edukazzjoni li tista’ tgħinhom aktar ‘il quddiem f’ħajjithom”.

Din il-missjunarja qaltilna li l-faqar fl-Afrika huwa kbir. Elaboratt li, “jekk tmur b’€100 u tagħtihielhom, m’għandhom xejn x’jagħmlu biha. Għax m’għandhom xejn. Vit ma jeżistix. Dawl lanqas. Jgħixu fid-dlam. Ikel m’hemmx u lanqas ħwienet biex jixtru minnhom jew fejn imorru. L-aktar viċin ta’ fejn jgħixu dawn in-nies fl-għarix huwa madwar tliet sigħat karozza u kif se jmorru? Dawn m’għandhomx karozzi. Meta ngħidu m’għandhom xejn, din hija litteralment. Jgħixu b’xi ħxejjex li jkabbru, legumi, ikollhom xi annimal fejn ħafna drabi familja jkollha baqra u tip ta’ dqiq li jħalltu mal-ilma. Mhuwiex tajjeb imma jimlik. Mhux se jieklu xi biċċa tiġieġa jew laħam. Lanqas jafu x’inhu”.

“Diffiċli tgħin lil kulħadd…”

Ikel u mediċina huma l-aktar urġenti

Din il-missjunarja fl-Afrika spjegat li l-akbar diffikultà li jsibu hija dik li jridu jippruvaw jgħinu kemm jista’ jkun nies. “Ovvjament hija diffiċli li tgħin lil kulħadd. Aħna mmorru fl-għarix u hemm ħafna familji li vera fil-qalba tal-faqar u hija impossibbli li tgħin lil kulħadd,” kompiet Baldacchino. Però, meta jorganizzaw il-vjaġġi tal-missjoni huma jagħtu ikel u jgħinu familji sħaħ bi provvista biżżejjed biex ikollhom ikel għat-tliet, erba’ xhur li ġejjin. Ngħallmu wkoll fl-iskejjel. Din hija l-aktar ħaġa importanti għax meta tibgħat lit-tfal fl-iskola fl-ewwel post jieklu mill-iskola. Hawn qegħdin jitrejqu b’xi ħaġa u t-tieni qegħdin jieħdu l-edukazzjoni. Bl-edukazzjoni dawn it-tfal ‘il quddiem għandhom ċans forsi jmorru lejn lejn iċ-ċentru tal-pajjiż u jsibu xogħol u jkunu jistgħu jgħinu lill-familji tagħhom,” kompliet Baldacchino.

Diffikultà kbira oħra li jsibu dawn il-missjunarji Maltin hija dik tat-tfal bi problemi ta’ saħħa kawża ta’ malnutrizzjoni. Dan meta, hekk kif qalet Baldacchino, “kullma jkollhom bżonn jaħasra hija xi ħaġa żgħira tal-kura u jerġgħu jiġu tfal normali. Imma, peress li m’għandhomx, ma jistgħux jieħdu din il-kura li fil-verità tkun ċuċata. Eżempju għandna tifel Nathan. Dan meta twieled twieled b’ħafna ilma ġo rasu u għandu rasu kbira. Ommu biegħet kollox biex tagħtih il-kura imma, minħabba l-problema f’rasu u minħabba l-malnutrizzjoni, dan it-tifel spiċċa b’nofs ġismu pparalizzat. Kulma għandu bżonn huma xahrejn terapija u jerġa’ jiġi jimxi imma xahrejn terapija jiswew €1,500 għax hemmhekk kollox bil-ħlas. Minn fejn se ġġibhom din l-omm?”

Bniet abbużati li joħorġu tqal

Lat ieħor li jsibu quddiem wiċċhom dawn il-missjunarji huma każijiet ta’ bniet adoloxxenti vittmi ta’ abbuż sesswali li jispiċċaw tqal. Baldacchino rrakkontat każ li kellhom fejn “iltqajna ma’ tifla, għax ta’ 14-il sena din għadha tifla, li għandha tarbija ta’ sena. Jiġifieri ta’ 13-il sena welldet. Il-familja tagħha meta kellha 12-il sena żewġuha ma’ raġel ta’ 65 sena. Ovvjament din mhiex ħaġa tajba imma l-familja ma kellhiex għażla oħra għax jew se jżewġu lit-tifla lil dan ir-raġel u jagħtihom il-baqar biex huma jgħixu l-kumplament tat-tfal li għandhom jew inkella se jmut kulħadd. Allura, qishom miskina issagrifikaw lil din it-tifla biex jgħixu l-kumplament tal-familja”.

Din it-tifla spiċċat tqila u ta’ 14-il sena ma kellha ebda għajnuna jew viżti mediċi. Din lanqas kienet taf x’se tagħmel. “Ġiet biex twelled u kienu qalulha aħjar timxi ħalli jkollok ħlas aktar faċli. Hija hekk għamlet u bdiet timxi. Ġara però li din it-tarbija twieldet malajr u ħabtet rasha mal-art bil-konsegwenza li bdiet tbati minn attakki tal-epilessija flimkien ma’ malnutrizzjoni għax il-missier kien telaq. Meta konna magħha ħsibna li din hija tarbija tat-twelid imma wara sirna nafu li għandha sena”. 

Esperjenzi ta’ ferħ u oħrajn ta’ qsim il-qalb

Din it-tarbija hija waħda mill-ħafna li jgħinu dawn il-missjunarji Maltin. Lil Baldacchino staqsejniha x’inhuma l-aktar żewġ esperjenzi li baqgħet tiftakar fejn tagħtna ż-żewġ lati – dik ta’ ferħ u oħra ta’ qsim il-qalb. 

L-aktar esperjenza sabiħa għaliha kienet l-ewwel darba li marret il-Kenja fejn iltaqgħet ma’ tifel ta’ tliet snin “vera ħelu” li jismu Celio minn familja fqira ħafna. “Kien bla futur. Bla edukazzjoni. Ħadnieh fl-iskola tagħna ta’ San Benedittu biex jgħix hemmhekk u llum il-ġurnata sejjer tajjeb ħafna fl-iskola tant li huwa fost l-aqwa studenti li għandna. Għadna tilgħin għax għandu tmien snin imma għandu ċans li ‘l quddiem ikun fost dawk il-ħamsa li jmorru s-Sekondarja. Sabiħ li tarah qiegħed l-iskola, bl-uniformi, mal-ħbieb, imur il-ħarġiet u jieħu l-edukazzjoni. Peress li mmur ħafna, dejjem immur nittawallu għax qisu t-tarbija tiegħi,” qalet bi tbissimha din il-missjunarja Maltija. 

Mentri, l-aktar esperjenza ta’ qsim il-qalb għal Baldacchino tikkonċerna tifla ta’ 12-il sena bl-isem ta’ Angela li kienet abbużata d-dar tagħha stess miz-ziju tagħha sakemm ommha ma kinitx tkun id-dar. Baldacchino qaltilna kif din it-tifla ħarġet tqila u ħarbet mid-dar. Hija kellha l-kuraġġ tirrapporta imma l-agressur xorta ħareġ liberat għax hemm ħafna korruzzjoni fil-pajjiż u sfortunatament, il-mara dejjem se teħel it-tort. It-tfal hemm aktar u aktar m’għandhomx vuċi. Allura ħarbet mid-dar għax ma setgħetx tgħix bih hemm u għamlet kważi t-tqala kollha tiġġerra barra fl-għarix waħidha. 

“Dan sakemm sabha l-Fr u nzertajna konna hemm aħna bħala grupp tal-Maltin,” spjegat Baldacchino fejn żiedet li, “ġibnieha fl-orfanatrofju tal-iskola tagħna ta’ San Benedittu imma kienet malnutrita ħafna u kienet waslet biex twelled. It-tarbija, li kienet tifla, twieldet imma wara ġimgħa mietet. Din għalija kienet esperjenza iebsa ħafna. Min-naħa kellna ferħ għax sibniha u se nsalvaw it-tarbija. It-tarbija twieldet u kien jidher li kollox kien sewwa imma mbagħad inħolqu ħafna komplikazzjonijiet. Angela għaddiet minn trawma kbira u kienet telqet tant li llum il-ġurnata tlifna l-kuntatt”.

Dawn huma wħud mid-diffikultajiet u esperjenzi li jkollhom il-missjunarji tagħna fl-Afrika. Diffikultajiet li għal trabi, tfal, adoloxxenti, familji u anzjani fl-Afrika jsarfu fi tbatija kbira u liema bħalha. Imn’alla jkunu persuni bħal Myra Baldacchino u l-ħafna missjunarji Maltin oħra li għandna, li bl-għajnuna tal-qalb kbira tal-poplu Malti, jagħmlu minn kollox biex kemm jistgħu jagħtuhom platt sħun, saqaf fuq rashom sigur, kura tas-saħħa u edukazzjoni. 

Għaldaqstant, kull darba jew meta tisimgħu b’maratoni għal ġbir ta’ fondi issa tafu kemm isir ġid mid-donazzonijiet miġbura f’diversi pajjiżi foqra, pajjiżi li għalkemm huma fl-istess dinja u fl-istess era tagħna, fil-verità għandhom realtà totalment u sfortunatament kontrastanti minn tagħna. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport