Tuesday, December 10, 2024

Mixli li abbuża sesswalment minn żewġt ibniet

… L-awtoritajiet bdew jinvestigaw wara ittri anonimi

Aqra wkoll

Raġel ta’ 46 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli li abbuża sesswalment minn żewġt ibniet.

Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien mixli li wettaq dan ir-reat fi Frar 2019 u fix-xhur ta’ qabel. Il-vittmi kellhom 13 u 14-il sena fiż-żmien li allegatament seħħ l-abbuż. 

L-Ispettur Roxanne Tabone spjegat lill-Maġistrat Rachel Montebello, li quddiemha tressaq l-imputat, li l-pulizija saru jafu bl-abbuż mill-aġenzija Appoġġ, wara li rċeviet ittri anonimi li jallegaw li l-allegati vittmi kienu ġew abbużati sesswalment mill-imputat fuq perjodu ta’ żmien.

Iż-żewġ vittmi kienu jgħixu fl-appartament fuq tiegħu. Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija rriżulta li l-imputat kien allegatament wettaq atti ta’ natura sesswali kontra r-rieda tal-allegati vittmi.

Wara li semgħu l-verżjoni tal-vittmi, l-Erbgħa li għadda, il-pulizija arrestaw lir-raġel. Huwa tressaq ilbieraħ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Saret ukoll talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, liema talba ġiet miċħuda mill-Qorti minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Roxanne Tabone. 

L-Avukati Matthew Xuereb u Jose Herrera dehru għall-imputat. 

Ekonomija

Sport