Tork ta’ 42 sena tressaq fil-Qorti fejn ġie mixli li hedded mara li jekk ma jkollhiex x’taqsam miegħu, kien se jxerred ir-ritratti u filmati ta’ natura sesswali tagħha.
Ir-rapport kien sar f’Ottubru li għadda, fejn il-mara – li hija wkoll ta’ nazzjonalità Torka – kienet qalet li dawn ir-ritratti u filmati kienu ttieħdu bil-kunsens tagħha. Ġara iżda li meta talbitu jħassar dan il-materjal sesswali, dan ma riedx u allegatament beda jheddidha li jekk ma tmurx miegħu kien se jxerridhom.
L-imputat ma kienx Malta meta sar ir-rapport. Huwa wasal it-Tnejn fejn kien arrestat minnufih.
Fil-Qorti huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu fejn argumentat li l-verżjoni tal-imputat kienet kompletament differenti minn dik tal-allegata vittma. Id-Difiża qalet li l-konverżazzjonijiet li kien hemm bejniethom juru li kollox kien b’kunsens.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi u l-biża’ li huwa jista’ jaħrab milll-pajjiż.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant l-imputat inżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.