Raġel ta’ 32 sena minn Sri Lanka nżamm arrestat wara li ġie mixli li stupra lill-eks tfajla tiegħu.
Mathihul Akmal Mohamed Jabir tressaq quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.
Fil-Qorti nstema’ kif meta l-pulizija marru biex jarrestaw lir-raġel huwa kien diġà fuq titjira lejn Sri Lanka u ġie lura minn jeddu t-Tlieta li għadda fejn kien arrestat mal-wasla tiegħu fl-ajruport.
Id-Difiża talbet li l-imputat jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-gravità tal-akkużi, l-fatt li l-allegata vittma għad trid tixhed u l-biża’ li huwa jista’ jaħrab mill-pajjiż.
Il-Qorti ċaħdet it-talba u għaldaqstant l-imputat baqa’ jinżamm taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri u Sherona Buhagiar flimkien mal-Avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Joseph Calleja Parnis deher għal Jabir.