“Miżura li nistgħu nkomplu ntejbuha”

- is-Segretarju Theo Vella jitkellem dwar iż-żidiet fil-benefiċċji għall-Korpi Dixxiplinati

Aqra wkoll

F’intervent li għamel waqt il-laqgħa ta’ diskussjoni li saret mal-Prim Ministru Robert Abela fil-Fgura, is-Segretarju tat-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-General Workers’ Union Theo Vella rrefera għaż-żidiet fil-benefiċċji għall-membri tal-Korpi Dixxiplinati.

Fil-jiem li għaddew tħabbar li wara li tliet snin ilu, dan il-Gvern ta żieda ta’ 23% fil-pensjonijiet għall-Korpi Dixxiplinati, issa din iż-żieda qed tiżdied għal 29% għall-membri tal-Korpi Dixxiplinati li jkunu servew għal aktar minn 29 sena, filwaqt li ġie estiż minn erba’ għal sitt snin il-perjodu li fih jistgħu jibqgħu fis-servizz u jirċievu allowance mhux taxxabbli ta’ nofs paga ta’ sena għal kull sena addizzjonali ta’ servizz.

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Vella stqarr li wieħed ma jistax jieħu l-imsemmija miżura f’iżolament. Dan hekk kif fl-aħħar snin saru numru ta’ ftehimi kollettivi b’saħħithom u ddaħħal il-kunċett ta’ part-timers biex dik l-esperjenza ma tintilfx fost oħrajn. 

“Din il-miżura hi mmirata għal sezzjoni partikolari biex tinkoraġġixxi illi l-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati ma joħorġux. Kulħadd se jagħmilha fuq bażi volontarja. Kull min irid jitlaq wara 25 sena għandu l-libertà kollha li jagħmel dan però għandu l-opportunità li jagħmel erba’ snin oħra u jsaħħaħ il-pensjoni. Jekk xi ħadd jagħżel hu li jagħmel 33 sena, over and above, se jkollu benefiċċju ieħor,” qal is-Segretarju Vella li rrimarka wkoll li hemm lok li din il-miżura titjieb aktar.

Huwa qal li l-GWU jkollha kuntatt ma’ ħafna ħaddiema. “Li qed jitolbu ħafna minn dawn il-ħaddiema huwa li meta jkunu tilgħin minn 25 għal 29 sena servizz, tingħatalhom gradwalment, pereżempju min jagħmel 26 sena, jieħu 6.5% iktar. Għax għandek nies li lesti jagħtu dik id-daqsxejn aktar però wisq probabbli erba’ snin se jarawha fit-tul.”

“Aħna nirrappreżentaw ukoll lil dawk li huma part-timers fl-Armata. Li qed jitolbu hu li ladarba għadhom iservu fuq bażi part-time, din tapplika għalihom ukoll u nsaħħulhom 29% meta jaħdmu l-ekwivalenti għal erba’ snin. Dan sabiex tissaħħaħ il-pensjoni attwali tagħhom u jibbenefikaw minnha wkoll.” 

“Dawn huma proposti li ġejjin mill-ħaddiema. Ġentilment nitlobkom tikkunsidraw dawn il-proposti,” tenna jgħid is-Segretarju Vella.  

F’kummenti oħra, huwa fakkar kif fi Frar tas-sena 2015, il-membri tal-Korpi Dixxiplinati f’Malta ngħataw id-dritt li jissieħbu fi trade union tal-għażla tagħhom.

Barra minn hekk, huwa semma’ kif meta jsiru l-proposti, “irridu naraw li dawn jagħmlu sens, ikun hemm bżonn ħafna riċerka, li jkunu x-xewqat tal-ħaddiema u mingħajr ma jinħolqu preċedenti.”

“Il-proċess tan-negozjati ma jkunx beda dakinhar li niffirmaw il-ftehim jew ftit ġimgħat qabel. Għall-ftehimi kollettivi li ġejjin diġà qed jidħlu proposti mil-lum, ħafna minnhom jagħlqu erba’ jew ħames snin oħra.

“Fiduċjuż ħafna li bħalma għamilna mal-Ministru Byron Camilleri fl-aħħar snin se nagħmlu l-istess mal-Ministru Glenn Bedingfield biex inkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet u ninkoraġġixxu lil ħaddieħor jissieħeb f’dawn il-korpi,” temm jgħid is-Segretarju Vella.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport