“Nilqa’ r-rapport tal-GREVIO, li jirrikonoxxi l-progress importanti li għamlet Malta fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika. Fl-istess waqt, nilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-GREVIO dwar fejn irridu nkomplu nsaħħu l-ħidma tagħna”
Iddikjarat dan il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar f’kummnet li tat lil dan il-ġurnal, hekk kif Malta laqgħet ir-rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (GREVIO). Il-Ministru Cutajar enfasizzat li diġa ttieħdudiversi miżuri biex jiġu indirizzati d-diversi punti li tqajmu matul dan il-proċess.
Il-Ministru Cutajar żiedet tgħid; “Se nkomplu naħdmu biex insaħħu l-protezzjoni, is-sapport u l-ġustizzja għall-vittmi, filwaqt li nżommuhom fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna”.
Ir-rapport jinnota b’sodisfazzjoni l-progress li sar dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) f’Malta. GREVIO jirrikonoxxi li saru riformi leġislattivi u istituzzjonali sinifikanti, kif ukoll fl-adozzjoni konsekuttiva u l-implimentazzjoni tat-tliet Strateġiji Nazzjonali dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika li huma allinjati mal-erba’ pilastri tal-Konvenzjoni.
B’mod partikolari, GREVIO faħħar l-investiment finanzjarju li sar fis-settur, it-tisħiħ tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, u l-koordinament bejn l-entitajiet permezz tal-Kumitat Interministerjali u l-introduzzjoni tal-Multi Agency Risk Assessment Meeting (MARAM). L-istabbiliment ta’ hubs speċjalizzati dwar vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta ġie deskritt bħala żvilupp partikolarment sinifikanti għaliex qawwa l-fiduċja ta’ bosta vittmi fl-istituzzjonijiet u għen biex jiżdied ir-rapportar tal-vjolenza domestika.
Ġew ukoll osservati l-implimentazzjonijiet ta’ miżuri ta’ protezzjoni u sapport li jmorru lil hinn mill-vjolenza domestika imma li jenfasizzaw forom differenti ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluż il-vjolenza u l-fastidju sesswali, stalking, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, żwieġ sfurzat, il-vjolenza ffaċilitata mit-teknoloġija u l-femiċidju. Intant, ġie rikonoxxut ukoll il-mod innovattiv li bih qegħdin jiġu implimentati kampanji ta’ għarfien, miżuri ta’ edukazzjoni preventiva, u taħriġ għall-professjonisti. L-inklużjoni wkoll ġiet meqjusa bħala pass pożittiv permezz ta’ miżuri li jikkunsidraw persuni li jistgħu jesperjenzaw forom differenti ta’ diskriminazzjoni.
