Wednesday, July 24, 2024

MIŻURI GĦAL AKTAR SOSTENN LILL-ANZJANI

Aqra wkoll

Il-persentaġġ ta’ nies li għandho ’il fuq minn 60 sena kulma jmur
qiegħed ikompli jiżdied madwar id-dinja kollha. Fil-fatt, ċifri tanNazzjonijiet Uniti juru li persuna minn kull disgħa diġa’ għandha 60sena jew aktar, b’dan l-ammont
mistenni li jiżdied fis-snin li ġejjin.

Għalhekk ix-xjuħija, jew aħjar l-anzjanità, hi fenomenu li m’għandux ikun injorat.
Fl-isfond ta’ dan kollu, Malta hi msejħa biex tindirizza din l-isfida. F’dan il-proċess però m’għandniex inħarsu lejn in-numru dejjem jiżdied ta’ persuni akbar fl-età bħala piż fuq l-iskemi attwali ta’ ħarsien soċjali.

Ir-realtà li l-popolazzjoni Maltija qiegħda tgħix aktar fit-tul hi opportunità biex nifhmu aktar l-importanza tal-anzjanità attiva, u kemm dawn il-persuni għad fadlilhom x’jikkontribwixxu fis-soċjetà tagħna. Nemmnu li dan huwa qasam li
l-Gvern qiegħed jagħtih importanza kbira.

Tant hu hekk, illi qed naraw tissokta l-ħidma sabiex aktar anzjani jibqgħu attivi fiżikament, mentalment u anke soċjalment. Minbarra f’dan, tajjeb li nsemmu wkoll kif dan il-Gvern baqa’ jżid il-pensjoni sena wara l-oħra filwaqt li żdiedu l-inċentivi sabiex aktar persuni jibqgħu fid-dinja tax-xogħol anke wara l-età tal-irtirar.

Meta l-inflazzjoni bdiet tgħolli rasha, inħoloq mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. Mekkaniżmu li minnu jgawdu nofs il-familji ta’ pajjiżna inkluż il-pensjonanti kollha.

Ma nistgħux ukoll ma nsemmux l-iskema Stabbiltà, li wasslet għal roħs fil-prezzijiet ta’ 450 prodott essenzjali tal-ikel, u anke ssussidju fuq il-prezzijiet tal-enerġija.

Min-naħa tagħha, il-General Workers’ Union mhux biss tappoġġja imma anki tinkoraġixxi lillħaddiema biex jibqgħu jaħdmu anke wara li jilħqu l-età tal-irtirar.
Dan tagħmlu għax temmen li dan l-approċċ interġenerazzjonali jġib miegħu l-aħjar prattiċi bejn il-ħaddiema għax l-għarfien akkademiku u l-esperjenzi ma jistgħux jinfirdu minn xulxin.

B’hekk tgawdi wkoll l-ekonomija nazzjonali. Quddiem dan kollu nemmnu li l-anzjanità attiva tibqa’ importanti. L-anzjani qegħdin jingħataw aktar dinjità bil-faċilitajiet dejjem jitjiebu f’dawk li huma djar residenzjali għall-anzjani mhux l-inqas iċ-ċentri li qegħdin jinfetħu fil-komunità fejn l-anzjani jkunu twieldu, trabbew u għexu.

Ekonomija

Sport