Wednesday, April 24, 2024

Mountain Biking: Clyve Chetcuti, Diana Muscat jirbħu it-Titlu taċ-Cisk 0.0 National Point Series

Aqra wkoll

Clyve Chetcuti u Diana Muscat kisbu l-ewwel titlu tan-National Point Series tagħhom aktar kmieni f’Mejju meta l-aħħar tiġrija tas-serje kienet ospitata mill-Malta Mountain Bike Association ġewwa l-Majjistral.

Dakinhar il-Kategorija Elite rat lil Luke Borg jieħu l-vantaġġ fit-tentattiv li jagħmel tajjeb għaż-żewġ tlielaq diżappuntanti preċedenti. Minkejja li Borg kien fuq quddiem tul it-tellieqa u kiseb rebħa b’vantaġġ ta’ 36 sekonda, it-tieni post ta’ Clyve Chetcuti kien biżżejjed biex ra lil Chetcuti jieħu t-titlu tas-Serje, b’20 punt biss. Jason Vella temm il-podju tal-ġurnata wara battalja ma’ Chetcuti u Stefan Scerri li kellu jirtira fir-raba’ dawra wara ħabta kerha. Il-podju tal-klassifika ġenerali kien jikkonsisti minn Chetcuti, Borg u Vella.

Il-favorita tat-tiġrija Diana Muscat ma ddiżappuntatx, u ħadet vantaġġ ċar mill-bidu. Waqgħa fl-ewwel dawra wasslet biex Lara Buttigieg titlef ħin prezzjuż iżda pattet għaliha fid-dawriet ta’ wara biex qabżet lil Fiona Tedesco u Felicienne Cini. Muscat, Buttigieg u Tedesco temmew il-podju tal-jiem. It-trio dehru wkoll, fl-istess sekwenza fuq il-podju tal-klassifikazzjoni ġenerali.

Darren Sultana rebaħ il-kategorija Sport quddiem Keith Bartolo u Ack Hili. Sultana ħareġ rebbieħ ġenerali tas-Serje, segwit minn Keith Bartolo. Wara 10 punti wara Bartolo kien hemm Jesmar Vella.

Stephen Grima rebaħ it-tellieqa tal-kategorija 40+ dakinhar, ħames sekondi biss qabel Joaquin Rojas. Warajhom Gordon Zahra. Grima li kien  fil-quċċata tal-leaderboard tal-kategoriji kollha għall-istaġun kien segwit minn Alex Portelli u Zahra.

Il-Kategorija 50+ intrebħet minn Enrico Bradamante, li minkejja bidu ħażin tal-istaġun, tellaq b’mod konsistenti quddiem Carmelo Abela u Ethan Salter. Dakinhar il-podju kien komplut minn Bradamante, Abela u Kevin Muscat.

Fil-kategoriji taż-żgħażagħ, Kyle Scicluna kien l-aqwa ċiklist taħt id-19-il sena tal-ġurnata, filwaqt li s-serje ġenerali intrebħet minn Justin Micallef, segwit minn Mattewh Galea u Scicluna.

Il-podju tas-subien tal-u17 kien magħmul minn Ryan Gatt, Chylen Fava u Ishmael Grima. Il-klassifika ġenerali intrebħet minn Gatt, segwit minn Fava u Nathan Goodhand. It-tiġrija tas-subien ta’ taħt il-15-il sena ntrebħet minn Daniel Luke Spiteri, segwit minn Liam Daly u Nicholas Spiteri, madankollu l-klassifika ġenerali ntrebħet minn Daly, li rebaħ it-tiġrijiet preċedenti kollha. Warajh kienu Neil Cassar u Daniel Luke Spiteri. Min-naħa l-oħra, it-tiġrija tal-bniet U15 intrebħet minn Nina Debono Curmi, segwita minn Zija Fuji u Katie Anne Vella Wood li spiċċaw fit-tieni u t-tielet rispettivament. L-istess pożizzjonijiet ġew riflessi fil-klassifikazzjoni ġenerali tas-serje.

Finalment il-kategoriji U12 raw lil Ethan Cumbo, Jake Said u Zac Bugeja jitilgħu fuq il-podju tal-ġurnata. Said, Bugeja u Jurgen Mercieca għamlu l-podju tas-serje ġenerali.

Kim Micallef Cann, Mickaya Fava u Mikela Ann Spiteri telgħu fuq il-podju għat-tellieqa tal-bniet U12-il sena kif ukoll il-podju tal-klassifika ġenerali.

“Is-Serje kienet mimlija azzjoni eċċitanti u prestazzjonijiet determinati minn taħlita ta’ parteċipanti veterani u ġodda li ilhom jikkompetu regolarment fiċ-ċirkwit lokali. L-entużjażmu muri jawgura tajjeb għall-futur tal-isport, hekk kif naraw aktar u aktar parteċipanti jingħaqdu fl-avvenimenti tagħna” ikkummenta Pierre Zammit Endrich, President tal-Malta Mountain Bike Association. “Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lill-voluntiera, uffiċjali u entitajiet kollha li b’xi mod jew ieħor jappoġġjaw l-isport tagħna”.

Il-Malta Mountain Bike Association esprimiet il-gratitudni tagħha lejn il-Majistral HPF Ranger Unit li għenet lill-Assoċjazzjoni. L-Assoċjazzjoni esprimiet ukoll il-gratitudni tagħha lejn l-isponsor tas-Serje, il-birra rebbieħa mingħajr alkoħol Cisk 0.0, Gatorade, u San Michel u hija appoġġjata minn IDMatch Bike Lab.

L-avveniment finali ospitat mill-Assoċjazzjoni għall-2023 se jkun il-Kampjonati Nazzjonali Cross Country li se jsiru fit-8 ta’ Ottubru 2023.

Sport