Fit-tieni intervista, b’rabta mal-istorja tal-filmat espliċitu u grafiku dwar l-abort li qed iwassal biex xi studenti jilmentaw għax jistgħu jkunu mġiegħla jarawh, dan is-sit iltaqa’ ma’ ġuvni ta’ 17-il sena fejn qal li jaqbel mal-abort f’ċerti każi imma għandu jkun hemm limitu ta’ kemm-il darba mara tista’ tagħmlu.
X’taħseb dwar l-abort. Għandu jkun illegali jew le u għala?
Inħoss li għandu jkun illegali fil-maġġorparti tal-każijiet imma legali f’ċerti sitwazzjonijiet serji u dan basta li jsir fi stadji bikrija ħafna tat-tqala.
Meta tgħid fi stadji bikija, x’perjodu għandek f’moħħok? Tmien ġimgħat tqala bħala xi pajjiżi oħra?
Iva sa tmien ġimgħat tajjeb imma imbagħad għandu jkun hemm eżenzjonijiet b’żieda fil-perjodu miftuħ għall-abort għal każijiet fejn jiżviluppaw diżabbiltajiet serji fil-fetu u f’każ li ħajjet l-omm tkun fil-periklu. Dan żgur. Nemmen ukoll li għandu jkun hemm speċi ta’ abortion count, fejn tfajla/mara għandha limitu ta’ kemm il-draba tista’ twaqqaf tqala. Ma naqbilx li jkun hemm mara li tasal li tagħmel erba’ darbiet abort. Għandu jkun hemm limitu.
U l-abort taħseb li huwa għażla tal-mara biss jew anke tar-raġel?
Dan għandu jkun deċiżjoni tal-mara żgur. F’każ li l-koppja huma f’relazzjoni sana, il-missier jista’ jinfluwenza d-deċiżjoni tal-mara imma fl-aħħar mill-aħħar hija f’id il-mara. Għax jekk ma tkunx relazzjoni sana, imbagħad hija tidħol f’inkwiet kbir.
Għala taqbel mal-abort?
Minħabba li nagħti aktar valur lill-persuna li tkun ilha s-snin ħajja aktar milli fetu.
Hemm vidjow grafiku li qiegħed jintwera fl-iskejjel. Taqbel li l-istudenti jkunu esposti għalih?
Assolutament le għax essenzjalment huwa brain washing. Għadhom żgħar wisq u l-għan ewlieni huwa li jkunu ttrawmatizzati bih biex isiru kontra l-abort għax dak li jurihulhom jew il-gvern ma jriduhomx favur l-abort. Meta jikbru u jkunu aktar razzjonali, imbagħad jistgħu jagħmlu li jridu. Ovvjament ma nħossx li l-abort għandu jkun wieħed krudili għal fetu lanqas. Għandu jkun hemm proċedura aħjar minn dik li tintwera fil-vidjow u naħseb li fil-verità, diġà hemm.
Aqra iktar: