Thursday, April 10, 2025

Naħdmu biex naspiraw li jkollna soċjetà fil-futur li tkun aħjar minn dik li sibna aħna – GWU

Aqra wkoll

Wara t-tnedija tal-Viżjoni Malta 2050, il-General Workers’ Union laqgħat din it-tnedija b’ottimiżmu hekk kif taqbel u temmen li dan huwa pass importanti għal Malta.

Temmen li flimkien irridu naħdmu biex naspiraw li jkollna soċjetà fil-futur li tkun aħjar minn dik li sibna aħna, biex ikompli jsir progress matul is-snin. Permezz ta’ din il-Viżjoni Malta 2050 se jkollha pjan kif se naslu permezz ta’ 90 mira f’diversi oqsma li jiġbru iżjed minn 1,800 miżura. Pjan li se jkun qed iseħħ b’mod trasparenti u b’responsabbiltà, permezz ta’ tragwardi ċari stabbiliti u Indikaturi ta’ Prestazzjoni Ewlenin (KPIs).

“Il-GWU hija kburija ħafna li kienet fuq quddiem nett li pproponiet Viżjoni u Pjan Strateġiku ħolistiku għal Malta għall-ewwel darba lura fl-2008. Anke l-proposti tagħha ppreżentati f’diversi baġits matul dawn l-aħħar snin kienu xprunati mill-idea li permezz tat-trasformazzjoni meħtieġa, bi tragwardi, flimkien naslu għal kwalità ta’ ħajja fost l-aqwa fl-Ewropa u lil hinn,” qalet il-GWU.

Bħala msieħba soċjali l-GWU tat is-sehem attiv tagħha fil-proċess konsultattiv bl-idea ċentrali li l-pajjiż ikollu viżjoni ħolistika u pjan strateġiku għal kwalità ta’ ħajja aħjar, xogħol ta’ kwalità u kundizzjonijiet ta’ xogħol mill-aqwa li jwasslu għal mobbilità soċjali għal kulħadd. Filwaqt li hija lesta li tkun parti mill-pjan ta’ implimentazzjoni.

“Ninsabu konvinti li din il-viżjoni għandha twassal għall-qabża li jmiss fil-kwalità tal-ħajja tagħna. Il-prijoritajiet tal-poplu jinbidlu matul iż-żmien u bi pjan ħolistiku nistgħu nilqgħu u nantiċipaw ċerti problemi u sfidi u naħdmu flimkien għal futur aħjar għalina u għal uliedna,” saħqet il-GWU.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport