Thursday, April 18, 2024

Nancy Pelosi toħloq kriżi bejn iċ-Ċina u t-Tajwan

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta li għadda, Nancy Pelosi, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti, it-tielet l-aktar kariga politika importanti ġewwa l-Istati Uniti, waslet ġewwa l-gżira ta’ Tajwan għal żjara uffiċjali ta’ madwar 20 siegħa. Żjara ta’ din ix-xorta ġewwa Tajwan, minn politiku b’kariga daqshekk għolja fil-ġerarkija politika Amerikana, kienet ilha ma sseħħ għal kważi 30 sena. Dan minħabba li f’dawn l-aħħar diċenji, l-Istati Uniti dejjem qagħdu attenti ħafna li ma joħolqux xi konflitt maċ-Ċina li tqis lit-Tajwan bhala provinċja ribelli tagħha u ilha ż-żmien mwebbla sabiex teħodha taħt idejha. 

Minkejja li milli jidher, din iż-żjara, ma kinitx organizzata mill-President Biden, xorta kif mistenni ħolqot reazzjoni drastika miċ-Ċina tant li kif Pelosi telqet minn Tajwan, iċ-Ċina bdiet eżerċizzju militari qrib ħafna ta’ Tajwan.

Ħafna osservaturi tal-politika ta’ dan ir-reġjun qegħdin jibżgħu li Pelosi, mingħajr ma taf, tat opportunità tad-deheb lil Xi Jinping, il-mexxej Ċiniż, li jwettaq il-ħolma tiegħu li jgħaqqad lit-Tajwan maċ-Ċina. Dan billi Xi Jinping jaf billi jġib l-iskuża li l-Istati Uniti qegħdin ibiddlu l-istatus quo li kien minn dejjem hemm rigward ir-relazzjoni Amerikana mat-Tajwan, minħabba li sa issa, l-Istati Uniti kienu qegħdin jaddottaw il-politika kemmxejn stramba li minkejja li jirrikonoxxu li hemm Ċina waħda, jiġifieri dik magħrufa bħala r-Repubblika tal-Poplu Ċiniż immexxija minn Beijing, huma dejjem żammew relazzjonijiet informali mat-Tajwan.

L-istorja tat-Tajwan

Tajwan huwa isem ieħor ghaċ-Ċina l-oħra, li l-isem uffiċjali tagħha huwa r-Repubblika Ċiniża. Tajwan ġie ffurmat meta l-gvern immexxi minn Chiang Kai-shek, il-gvern li kien imexxi liċ-Ċina qabel ma din spiċċat f’idejn il-Komunisti, ħarab lejn gżira li tinsab fin-nofsinhar taċ-Ċina fl-1949. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, ma waqfux l-attentati mill-gvern ta’ Bejing sabiex jieħu taħt idejh lil din il-gżira li fiha joqogħdu kważi 24 miljun ruħ.

Sabiex iżommu liċ-Ċina milli tinvadihom, in-nies ta’ Tajwan minn dejjem fittxew l-appoġġ tal-pajjiżi tal-punent, l-ewwel u qabel kollox tal-Istati Uniti.

X’hemm wara ż-żjara ta’ Pelosi?

Ġurnali rinomati barranin qegħdin jirrappurtaw li ma kienx hemm qbil rigward din iż-żjara kemm ġewwa l-Whitehouse kif ukoll fil-Partit Demokratiku, il-partit ta’ Biden u tal-istess Pelosi. Minkejja ta’ dan, Pelosi milli jidher webbset rasha u kompliet bil-pjanijiet tagħha li tisfida lill-gvern Ċiniż u tagħmel din iż-żjara uffiċjali.

L-ewwel impressjoni għalfejn Pelosi marret Tajwan hija dik li Pelosi, li ta’ min jgħid hija waħda mill-aktar politiċi Amerikana ostili lejn il-Partit Komunista Ċiniż, tant li fl-1991, kienet għamlet protesta żgħira ġewwa ċ-Ċina wara dak li kien sar ġewwa Pjazza Tiananmen, riedet turi l-appoġġ tal-Istati Uniti għall-indipendenza ta’ Tajwan, l-aktar issa li hemm il-biża’ li ċ-Ċina timxi fuq il-passi ta’ Putin u tinvadi xi territorju ieħor.

Però, hemm xi analisti politiċi li qegħdin jgħidu li hemm raġunijiet oħra wara din iż-żjara. Hemm xi ġurnalisti li qegħdin jirrappurtaw li permezz ta’ din iż-żjara, l-istess Pelosi riedet tagħti imbuttattura ‘l quddiem lill-partit tagħha li bħalissa qiegħed minn taħt ħafna fil-polls għall-elezzjonijiet tal-‘mid terms’ li mistennija jsiru f’Novembru li ġej.

Raġuni oħra possibbli hija li Pelosi, li llum għandha 82 sena, riedet ittemm il-karriera politika tagħha billi tħalli legat sabiex l-Istati Uniti jibqgħu jimxu fuq il-politika tagħha favur Tajwan.

Iċ-Ċina tirritalja u Pelosi tkompli tisfida

Kif kien mistenni, ċ-Ċina rritaljat bil-kbir għal din il-mossa mill-Istati Uniti. Minkejja li Biden bħal speċi qal b’mod indirett li huwa kellu d-dubji tiegħu rigward din iż-żjara, iċ-Ċina qalet li minħabba l-kariga li tokkupa Pelosi, hija qiegħda tqis dak li qalet u għamlet Pelosi bħala l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti rigward Tajwan.

Fost il-manuvri diretti li bdiet iċ-Ċina hekk kif Pelosi ħalliet Tajwan sabiex tmur tkompli l-missjoni tagħha ġewwa l-Korea t’Isfel, kien hemm numru kbir ta’ ezerċizzji militari fil-baħar li hemm jifred lit-Tajwan minn maċ-Ċina, eżerċizzji li fihom ġew sparati xi missili.

Barra minn dawn il-manuvri militari, iċ-Ċina daħlet numru ta’ sanzjonijiet ekonomiċi fil-konfront tat-Tajwan. Sabiex tagħmel tajjeb għal dawn tal-aħħar, Pelosi ħabbret li l-Istati Uniti qegħdin jikkonsidraw ftehim biljunarju ta’ negozju mat-Tajwan fl-industrija tal-elettronika li tant huwa magħruf għaliha Tajwan. Minħabba f’hekk, Pelosi qalet li l-Istati Uniti sejra tkompli tibgħat armamenti lejn Tajwan sabiex dan ikun jista’ jibqa’ jiddefendi l-indipendenza tiegħu.

Mingħajr dubju ta’ xejn, Pelosi ma setgħetx għażlet żmien agħar sabiex taghmel din iż-żjara f’pajjiż hekk jaħraq bħalma huwa t-Tajwan. Dan minħabba li din ‘l hekk imsejha ‘show of force’ mill-Istati Uniti fil-konfront taċ-Ċina ġiet meta Xi Jinging, il-mexxej Ċiniż, qieghed jistenna lill-partit tiegħu sabiex jikkonfermah bħala l-president tal-partit għat-tielet darba. Għalhekk huwa ma jistax jaffordja li jidher b’xi mod jew ieħor dgħajjef quddiem il-pajjiż rivali tiegħu. 

Pelosi sa ċertu punt tefgħet lill-president tagħha wkoll f’rokna. Dan għaliex kemm-il darba ċ-Ċina teskala l-manuvri militari tagħha fil-konfront tat-Tajwan b’tali mod li jkun jeħtieġ li jiġu mrażżna, dan ifisser li Biden ikollu jieħu deċiżjoni simili bħal dik li kien ħa Bill Clinton, lura fis-snin 90, meta Clinton kien bagħat flotta kbira fl-ibħra qrib iċ-Ċina sabiex iġib taħt kontroll kriżi simili bħal dik tal-lum bejn iċ-Ċina u t-Tajwan. Sadanittant, iċ-Ċina eskalat ir-reazzjoni tagħha għaż-żjara ta’ Pelosi billi ssospendiet ħafna negozjati li kienu għaddejjin bejnha u l-Istati Uniti fuq diversi temi importanti li fost oħrajn jinkludu l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, kollaborazzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, fuq l-ambjent u t-tibdil tal-klima.

Ekonomija

Sport