Tuesday, May 14, 2024

Natasa Pirc Musar eletta l-ewwel President mara fl-Islovenja

Aqra wkoll

L-Avukata Natasa Pirc Musar rebħet it-tieni rawnd tal-elezzjoni presidenzjali tas-Slovenja u se tkun eletta bħala l-ewwel kap ta’ stat mara tal-pajjiż.
Pirc Musar kisbet 54% tal-voti, bl-avversarju tagħha, l-eks Ministru tal-Affarijiet Barranin Andze Logar, jikseb 46% tal-voti, skont data tal-Kummissjoni Elettorali li qalet li t-turnout f’din l-elezzjoni kienet 49.9%.

Musar se tieħu post il-President Borut Pahor, politiku ċentrista li kien diġà serva żewġ mandati fil-kariga. “L-ewwel mira tiegħi hi li niftaħ djalogu fost l-Isloveni kollha,” qalet il-President ġdid.

Musar ta’ 54 sena, hija eks-preżentatur tat-televiżjoni u avukata influwenti. Hija mexxiet kampanja dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u kwistjonijiet ta’ benesseri soċjali. Hija mexxiet ukoll l-awtorità tal-protezzjoni tad-dejta tal-pajjiż għal għaxar snin.

Musar kienet irrappreżentat lill-eks first lady tal-Istati Uniti Melania Trump fid-drittijiet tal-awtur (copyright) u każijiet oħra fis-Slovenja. Hija wiegħdet li se tkun il-vuċi tan-nisa fis-Slovenja u anke lil hinn, u “awtorità morali” fir-rwol il-ġdid tagħha.

Sport