Wednesday, October 2, 2024

Nature Trust FEE Malta u l-BOV jeħilsu żewġt ifkieren lura l-baħar wara riabilitazzjoni

Aqra wkoll

Is-Sibt li għadda mmarkat pass importanti fil-konservazzjoni marittima hekk kif Nature Trust – FEE Malta, b’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta (BOV), ħelsu żewġt ifkieren tat-tip loggerhead, Atua u EM. Dan seħħ fil-bajja tal-Ġnejna. L-avveniment, parti mill-isforzi kontinwi ta’ Nature Trust – FEE Malta biex tipproteġi l-ħajja marittima ta’ madwar Malta, serva wkoll biex ifakkar il-Programm Rebbiegħa tal-BOV, programm li jiċċelebra l-Ħamsin Anniversarju tal-Bank. 

Atua u EM, li t-tnejn li huma tilfu waħda mill-flippers ta’ quddiem tagħhom wara li nqabdu fi skart  tal-baħar, u kienu ilhom taħt il-kura ta’ Nature Trust-FEE Malta mill-2021. Minkejja l-gravità tal-ġrieħi li ġarbu, iż-żewġt ifkieren wrew reżiljenza notevoli matul iż-żmien tagħhom fil-faċilità ta’ riabilitazzjoni tal-NGO. Issa huma rkupraw għalkollox, u, skond Vincent Attard, Kap Eżekuttiv ta’ Nature Trust -FEE Malta, mistennija jgħixu ħajja sħiħa u b’saħħitha.

“Il-pass tal-lum huwa xhieda tal-qawwa tal-kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet li jaħdmu għall-ġid tal-ambjent tagħna. Is-sopravivenza u r- riabilitazzjoni taʼ Atua u taʼ EM juru kemm jistaʼ jinkiseb permezz taʼ dedikazzjoni u kura. Aħna ferħanin li stajna ngħinu lil dawn il-ħlejjaq meraviljużi jirritornaw lejn l-abitat naturali tagħhom, u bit-trekker li tpoġġa fuq daharhom se nkunu nistgħu nsegwu l-vjaġġ tagħhom u nkomplu nitgħallmu minnhom,” qal Vincent Attard.

Fil-fatt, il-fkieren għandhom apparat installat fuq daharhom li jsegwihom permezz taʼ satelliti. Id-dejta miġbura se tiġi kondiviża mal-pubbliku permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali tan-Nature Trust-FEE Malta. Dan se jagħtina opportunità bla preċedent biex insegwu l-progress ta’ Atua u EM, filwaqt li titqajjem kuxjenza dwar it-theddid li qed jiffaċċjaw il-ħlejjaq marittimi.

“Dan il-proġett jirrappreżenta l-qofol ta’ dak li qed nittamaw li niksbu permezz tal-programm Rebbiegħa. L-għan tagħna jmur lil hinn milli sempliċement nappoġġjaw proġetti – aħna nimmiraw li nagħmlu differenza tanġibbli għall-ambjent tagħna u niżguraw futur sostenibbli”, spjega Charles Azzopardi, li jmexxi t-tim tas-CSR tal-Bank. “L-istorja ta’ Atua u ta’ EM turina b’mod qawwi l-impatt li nistgħu nagħmlu meta ningħaqdu flimkien għal kawża komuni,” huwa kkonkluda.

Il-ħelsien ta’ Atua u EM huwa wieħed minn diversi proġetti li ntgħażlu minn għadd ta’ sottomissjonijiet taħt il-programm Rebbiegħa tal-BOV. Dan il-programmi huwa l-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju tal-Bank. Il-programm għandu l-għan li jappoġġa inizjattivi sostenibbli u ta’ impatt li jtejbu l-pajsaġġ ambjentali u soċjali ta’ Malta u Għawdex.

Għal aktar informazzjoni u biex issegwu l-vjaġġ ta’ Atua u Em, żuru l-mezzi soċjali ta’ Nature Trust – FEE Malta u tal-Bank of Valletta.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport