Wednesday, April 24, 2024

New Zealand tiftaħ il-fruntieri għalkollox wara xhur magħluqa minħabba l-pandemija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba sa minn Marzu tal-2020, il-fruntieri ta’ New Zealand huma miftuħa għalkollox. L-awtoritajiet tal-immigrazzjoni issa se jerġgħu jibdew jaċċettaw viżitaturi b’visas u dawk b’visa tal-istudenti.

Il-Prim Ministru Jacinda Ardern iddeskriviet din l-aħbar bħala mument enormi u qalet li kull deċiżjoni kienet tifforma parti minn proċess kawt.

Il-biċċa l-kbira tal-viżitaturi xorta se jkollhom bżonn jitlaqqmu bid-dożi kollha tal-vaċċin, iżda mhux se jkunu mitluba jagħmlu l-kwarantina.

New Zealand ħabbret dwar il-pjan ta’ ftuħ mill-ġdid f’fażijiet fi Frar li għadda. Fl-ewwel rilaxx ta’ miżuri, l-awtoritajiet ħabbru li ċittadini mlaqqmin setgħu jirritornaw mill-Awstralja minn dak ix-xahar stess u li dawk ġejjin mill-kumplament tal-pajjiżi madwar id-dinja setgħu jagħmlu dan mix-xahar ta’ wara.

F’diskors li għamlet fis-Summit tan-Negozju taċ-Ċina f’Auckland nhar it-Tnejn, Ardern qalet li bħal bqija tad-dinja, se jkomplu jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet b’rabta mal-pandemija.

It-turiżmu kien wieħed mill-industriji l-aktar milquta mill-miżuri iebsa tal-Covid ta’ New Zealand.

Fis-sena li ntemmet f’Marzu 2021, il-kontribuzzjoni tal-industrija għall-PDG niżlet għal 2.9%, mill-5.5% tas-sena ta’ qabel.

It-turiżmu internazzjonali ħa l-ikbar daqqa ta’ ħarta u niżel minn 91.5% – jew NZ$16.2 biljun għal NZ $1.5biljun.

In-numru ta’ nies impjegati direttament fit-turiżmu wkoll naqas b’aktar minn 72,000 persuna matul dan il-perjodu.

Sport