Tuesday, April 23, 2024

Newcastle U., Bournemouth u Nottm F., eliminati mill-FA Cup

Aqra wkoll

Meta ntlagħab it-tielet round tal-FA Cup, is-sorpriżi ma naqsux hekk kif it-tliet timijiet tal-Premier League, Bournemouth u Nottingham Forest u Newcastle United, sfaw eliminati minn dawk taċ-Championship, Burnley, Blackpool u dak ta’ League One, Sheffield Wednesday, rispettivament.

C. Palace v Southampton – F’partita bejn żewġ timijiet tal-Premier League, Southampton dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Crystal Palace bl-iskor ta’ 2-1.

Il-protagonisti tas-Saints kienu James Ward-Prowse (37) u Adam Armstrong (68) wara li Odsonne Edouard (14) fetaħ l-iskor għat-team ospitu.

Gillingham v Leicester – It-team tal-Premier League, Leicester City, kellu jitħabat biex għeleb lil dak ta’ League Two, Gillingham, bl-iskor minimu ta’ 1-0.

L-uniku goal wasal kmie­ni fit-tieni taqsima minn Kelechi Iheanacho (56). 

Preston v Huddersfield – F’logħba bejn żewġ timijiet taċ-Championship, Preston North End għelbu lil Huddersfield bl-iskor ta’ 3-1, bl-iskorers ikunu Tom Lees (61 o.g.), Bambo Diaby (73) u Alan Browne (85) wara li Florian Kamberi (57) fetaħ l-iskor għall-viżitaturi. 

Reading v Watford – Reading laqgħu lil Watford u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0  permezz ta’ Kelvin Abrefa (45) u Shane Long (92).

Tottenham v Portsmouth – Tottenham Hotspur laqgħu lit-team ta’ League One, Portsmouth, u sabuha diffiċli, tant, li rebħu b’goal uniku ta’ Harry Kane (50) li jonqsu goal wieħed biex jilħaq ir-rekord ta’ Jimmy Greaves bħala l-aqwa skorer ta’ Spurs ta’ kull żmien.

Blackpool v Nottm F. – F’darhom Blackpool għelbu lil Nottingham Forest bl-iskor kbir ta’ 4-1, bil-goals jaslu minn Marvin Ekpieta (17), Ian Poveda (64), CJ Hamilton (71) u Jerry Yates (87) filwaqt li Ryan Yates (92) skorja l-goal ta’ konsolazzjoni għall-Forest. 

Bournemouth v Burnley – Bournemouth laqgħu lil Burnley u kellhom ibaxxu rashom għal skor ta’ 4-2 bl-iskorers tal-viżitaturi jkunu  Manuel Benson (6, 57) u Anass Zaroury (39, 43), filwaqt li Ryan Christie (12) u Dominic Solanke (48) wieġbu għal Bournemouth.

Middlesbro v Brighton – Barra minn darhom Brigh­ton irreġistraw rebħa kbira ta’ 5-1 fuq Middlesbrough.

L-iskorers kienu Pascal Gross (8), Adam Lallana (29), Alexis MacAllister (58, 80) u Denis Undav (88) filwaqt li Chuba Akpom (13) kiseb id-draw momentarju għall-Boro.

Brentford v West Ham – Wara s-sensiela ta’ riżultati pożittivi fil-Premier League Ingliż, Brentford sfaw megħ­luba f’darhom minn West Ham bl-iskor ta’ 1-0.

Il-goal wasal 12-il minuta mit-tmiem il-logħba minn Said Benrahma (79).

Sheffield W. v Newcastle – Newcastle United sofrew l-ikbar umiljazzjoni tal-ġurnata meta marru għat-team ta’ League One, Sheffield Wednesday, u sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-1.

L-eroj tal-Owls kien Josh Windass (52, 66) filwaqt li Bruno Guimaraes (69) naqqas il-marġni għall-Magpies … li jridu jinsew dan id-diżappunt.  

Sport