Sunday, December 22, 2024

Nhar il-Ħadd li ġej se tittella’ t-tieni edizzjoni ta’ Festa Ikel Malti

Aqra wkoll

Fil-Pitkalija kollox jinsab lest sabiex nhar il-Ħadd li ġej tittella’ t-tieni edizzjoni ta’ Festa Ikel Malti. Il-ħsieb wara din l-attività huwa primarjament iċ-ċelebrazzjoni tal-wirt kulinarju għani ta’ pajjiżna. Fl-istess waqt dawk kollha li ser jattendu ser ikollhom iċ-ċans li jduqu ikel Malti u prodotti friski magħmulin mill-bdiewa Maltin u Għawdxin b’tant dedikazzjoni.

Waqt żjara fil-Pitkalija, il-Ministru Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said setgħu jsegwu l-aħħar preparamenti għal din l-attività. Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, ta spjegazzjoni ta’ dak li l-poplu Malti u Għawdxi ser ikun jista’ jgawdi f’din il-ġurnata.

F’din l-attività se jkun hemm varjetà ta’ esibituri li joffru prodotti lokali, ikel u xorb minn produtturi u organizzazzjonijiet lokali. B’kollox se jkun hemm madwar 50 esibitur li se jagħtu definizzjoni tal-prodott Malti. Fost il-prodotti tal-ikel Malti se jkun hemm l-għasel, iż-żejt taż-żebbuġ, ġulepp, kirxa, ħalib, ġobon, ħut u affarijiet oħra. Waqt din l-attività wieħed jista’ jesperjenza wkoll il-Farmers Market, filwaqt li preżenti ser ikun hemm ukoll nies professjonali li se jkunu qed juru kif jinħelbu l-baqar.

Din l-attività se tittella’ fil-Pitkalija, Ħ’Attard, nhar il-Ħadd 20 ta’ Ottubru bejn l-10 ta’ filgħodu u l-5 ta’ filgħaxija. Id-donazzjonijiet li ser ikunu qegħdin jinġabru waqt din l-attività ser jinġabru b’risq il-Malta Community Chest Fund. Għal din l-attività ser ikun offrut ukoll is-servizz ta’ Park and Ride b’xejn miż-żona tal-Farmers Market Ta’ Qali.

Ekonomija

Sport