Nhar is-Sibt li ġej, 24 ta’ Awwissu, Fra Sergio Ċini, żagħżugħ ta’ 22 sena miż-Żebbuġ Għawdex se jsir Patri. Hu se jkun qiegħed jingħaqad mal-patrijiet Franġiskani Konventwali f’Padova fl-Italja fejn hemm stess se ssir iċ-ċelebrazzjoni.
Fra Sergio kiteb messaġġ fuq il-paġna tal-midja soċjali ftit jiem biss qabel isir patri. Hu qasam l-esperjenza tiegħu dwar dak li għadda minnu fl-aħħar sena u anke jitkellem dwar il-ħajja ta’ San Franġisk.
Jikteb li għadda din is-sena fil-kunvent ta’ Sant’Antnin f’Padovo fl-Italja, ‘il bogħod mill-familja li tgħix Għawdex. Jikteb li r-regola ewlenija li jimxi biha hu u sħabu l-patrijiet hi li “jħarsu l-Evanġelju Mqaddes.”
Jgħid li din il-frażi li kien ħallija San Franġisk lill-Patrijiet fir-Regola kienet “għalina n-Novizzi dik il-frażi li akkumpanjatna matul din is-sena tan-Novizzjat.”
Fra Sergio jgħid li din is-sena bdiet permezz tal-Vestizzjoni tal-libsa Franġiskana nhar it-8 ta’ Settembru 2023. “L-iskopijiet ewlenin ta’ din is-sena huma li wieħed ikun aktar konxju tal-vokazzjoni divina tiegħu, li jivverifika l-intenzjonijiet u l-adegwatezza tagħha u li jagħmel esperjenza tal-istil tal-ħajja li l-Mulej qed isejjaħlu għaliha. Dan kollu għexnieh b’mod partikulari bl-istudju tal-kitbiet u tal-bijografiji ta’ Missierna San Franġisk u bl-istudju tal-ispiritwalità Franġiskana u tad-Dokumenti tal-Knisja Kattolika. Fuq kollox, dawn kienu msaħħin bil-ħajja tat-talb. F’din is-sena ma naqasx ukoll ix-xogħol manwali. Kellna wkoll l-opportunità li nżuru u ngħixu fil-postijiet li fihom għex San Franġisk u hekk esperjenzajna wħud mill-episodji l-iktar importanti ta’ ħajtu,” jikteb Fra Sergio.
Imbagħad fil-messaġġ tiegħu jgħaddi biex jitkellem dwar xi avvenimenti importanti mill-ħajja ta’ Sant’Antnin. Jitkellem dwar dan minħabba li għal sena sħiħa għex fil-kunvent ta’ dan il-Qaddis.
Isejjaħ lil Sant’Antnin bħala “Anton” u jgħid li ta’ 15-il sena ried isib is-silenzju biex jisma’ l-Kelma t’Alla. “Għalhekk daħal fl-Abbazija tal-Agostinjani ġewwa Lisbona. Minħabba d-distrazzjonijiet li kien ikollu minn żjajjar ta’ ħbieb u qraba, talab biex imur xi mkien ’il bogħod. Is-Superjuri tiegħu bagħtuh Coimbra. Fl-1220, meta kien diġà saċerdot, f’Coimbra Anton assista għar-ritorn tal-iġsma ta’ ħames patrijiet Franġiskani maqtula fil-Marokk. Wara dan l-episodju ddeċieda li jidħol mal-Patrijiet Franġiskani bix-xewqa li jmur bħala missjunarju fl-Afrika. Imma l-Mulej kellu pjanijiet oħra għal Anton! Kif wasal il-Marokk marad bil-malarja. Kull ħsieb li kellu u kull pjan li kien għamel taru mar-riħ u kellu jmur lura l-Portugal,” ikompli jikteb il-Patri Għawdxi.
Deċiż mill-pass li se jieħu, l-Għawdxi jikteb li t-tfittxija ta’ ħajtu fid-dinja reliġjuża tibqa’ tkun mibnija fuq “ħares l-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu!”.
Issa nhar is-Sibt li ġej se jaħmel il-Professjoni Temporanja fi ħdan l-Ordni tal-Patrijiet Minuri Konventwali.
Il-Professjoni hi meta kandidat għall-ħajja reliġjuża jieħu l-impenn quddiem Alla biex jgħix fl-ubbidjenza, bla xejn tiegħu u fis-safa. Il-kandidat iwiegħed ukoll li jgħix skont ir-Regola ta’ San Franġisk ta’ Assisi.