Saturday, November 16, 2024

Nisa lesti jitkellmu… Ma jridux jinħbew aktar

Aqra wkoll

Fil-5.00 tal-lejla fil-Belt Valletta se ssir rally għad-dritt tal-abort fejn nisa li huma favur il-libertà tal-għażla fuq ġisimhom jridu jsemmgħu leħinhom hekk kif ma jridux jinħbew aktar dwar dan is-suġġett stigma f’pajjiżna. Dan fid-dawl li hekk kif ħabbar il-moviment “Voice for Choice” is-sena l-oħra 500 mara f’Malta għamlu abort però, s’issa, dan l-intervent la jista’ jsir lokalment u lanqas huwa legali.

Dawn in-nisa ħadu pilloli u għaddew mill-proċess id-dar tagħhom. Meta għamlu dan, kisru l-liġi bħalma għamlu 1,500 oħra f’dawn l-aħħar tmien snin. Aġixxew bil-moħbi minħabba biża’ li jiġu ġġudikati. Mentri, oħrajn, siefru fejn ma kisru l-ebda liġi iżda għadhom jgħixu fil-biża’ li tkun magħrufa d-deċiżjoni tagħhom.

M’għadhomx imbeżża’ li jsemmgħu leħinhom

Fir-rally tal-lum huwa mistenni li jingħaqad grupp ta’ 65 mara u persuni li jistgħu joħroġu tqal u ilhom jgħixu f’pajjiżna għal snin twal. Terz minnhom jingħad li għamlu abort u se juru wiċċhom u jgħidu isimhom għax skont ma qal il-moviment, “ma jifilħux iżjed jinħbew”.

Dawn m’għadhomx imbeżża’ li jsemmgħu leħinhom u qegħdin jisħqu li jirrifjutaw li jkunu mżebilħa, iġġudikati jew mhedda talli għamlu deċiżjoni fuq ħajjithom. Il-messaġġ huwa li flok mara li tirrikorri għall-abort tkun ikkonsidrata bħala kriminali, din għandha tkun trattata b’kompassjoni u biex dak li jkun jifhimha.

Skont riċerka li saret Malta u ġiet ippubblikata fuq livell internazzjonali, l-età medja ta’ persuni li jagħmu abort lokament hija ta’ 29 sena u ħafna drabi l-mara tkun diġà omm.

L-abort huwa suġġett kontroversjali ħafna f’Malta. Minkejja l-isforzi li kien għamel il-Gvern biex dan id-dritt, taħt regoli stretti u preċiżi li jħarsu saħħet u ħajjet l-omm, l-oppożizzjoni biex ikun dikriminalizzat wasslet biex lanqas f’ċirkostanzi serji, ma jingħata dan id-dritt ċivili tan-nisa fil-qasam tas-saħħa pubblika. 

Tajjeb li nsemmu li f’dawn il-ġranet reġgħet qamet mewġa minn diversi għaqdiet biex il-liġi fejn jidħol l-abort f’pajjiżna tinbidel.

Ekonomija

Sport