Il-President ta’ Malta George Vella qal li llum kważi 50% tal-pazjenti li jinstabu li għandhom il-kanċer f’Malta u jingħataw il-kura meħtieġa qed jgħixu għal aktar minn għaxar snin u dan ifisser li hemm bżonn investiment aktar qawwi fir-riżorsi finanzjarji u umani għax f’ċertu każi jkun hemm bżonn kura speċjalizzata u personalizzata.
Waqt li kien qed jindirizza konferenza organizzata min-National Cancer Platform fil-Jum Dinji tal-Kanċer, il- President Vella qal li l-istatistika turi li kull sena qed jinstabu mal-2,500 każ ġdid tal-kanċer f’Malta u madwar 1,000 minnhom imutu, tant li llum il-kanċer hu l-kawża primarja ta’ 30% tal-imwiet kollha f’pajjiżna.
“Il-kura mibdija kmieni, il-mod kif qegħdin jiġu ttrattati l-pazjenti, u l-użu ta’ mediċini ġodda dejjem aktar sofistikati, qiegħed iwassal biex pazjenti bil-kanċer jgħixu aktar fit-tul. Fil-prevenzjoni, ħarsien, u kura kontra l-kanċer, hemm bżonn il-kooperazzjoni ta’ numru kbir ta’ dixxiplini, li jieħdu ħsieb l-aspetti edukattivi, mediċi, iż-żmien ta’ rijabilitazzjoni, il-ħarsien psikosoċjali, u l-kura paljattiva,” qal il-President Vella, waqt li radd ħajr lil numru ta’ għaqdiet volontarji li jagħtu sehemhom f’oqsma differenti li jikkumplimentaw jew jimlew il-vojt tas-servizz li jingħata mill-awtoritajiet tas-saħħa.
“Huwa xieraq li fil-Jum Dinji tal-Kanċer insellem ukoll lill-eluf ta’ ħaddiema f’setturi differenti tal-istituzzjonijiet nazzjonali tas-saħħa tagħna li jagħtu servizz b’tant dedikazzjoni u mħabba,” qal il-President George Vella.
In-National Cancer Platform, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, tiġbor flimkien 11-il għaqda mhux governattiva li jaħdmu jew huma interessati f’xi aspett relatat mal-pazjenti morda bil-kanċer f’Malta; Action for Breast Cancer Foundation, Alive Charity Foundation, Aurora Support Services, Europa Donna Malta, Hospice Movement, Karl Vella Foundation, Malta Community Chest Fund Foundation, Malta Health Network, Malta Male Cancer Awareness, Malta Colorectal Cancer Awareness Group u Puttinu Cares.
L-għaqdiet volontarji għandhom l-għan li jikkooperaw u jikkoordinaw ħidmiethom, jedukaw u jqajmu għarfien dwar prevenzjoni mill-fatturi u drawwiet li jistgħu jwasslu għall-kanċer.
Iċ-Chairperson il-ġdid tan-National Cancer Platform, Dr Noel Buttigieg Scicluna, qal li l-għaqdiet qed jaqsmu ideat bejniethom, jippromwovu r-riċerka, studji u pubblikazzjonijiet, iżommu sessjonijiet ta’ taħriġ, u fuq kollox jipprovdu għajnuna finanzjarja għal xiri ta’ mediċini, u servizzi oħra.
Il-konsulent Dr Nathalie Galea, li tispeċjalizza fil-kanċer fost it-tfal, qalet li din is-sena s-servizz tal-onkoloġija pedjatrika għandu jkompli jissaħħaħ hekk kif se jiggradwaw żewġ tobba oħra, ħolma li kellu Dr Victor Calvagna li kien pijunier f’dan il-qasam.