Thursday, January 30, 2025

Omm immultata €5,000 għax fetħet il-posta ta’ binha

Aqra wkoll

Omm ta’ 51 sena residenti n-Naxxar ġiet immultata €5,000 wara li nstabet ħatja li fetħet il-posta ta’ binha. Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, l-omm ġiet mixlija li fixklet lil binha milli jkollu pussess ta’ ħwejġu u ma ħallietx li ssir l-kunsinja ta’ posta.

Fil-Qorti uffiċjal tal-Pulizija xehed kif fl-2023, iben l-akkużata kien mar l-għassa biex jiftaħ kwerela kontra ommu. Kine stqarr li qabel l-2019 hu kien jgħix ma’ ommu u missieru, iżda issa qiegħed jgħix f’residenza oħra.

Fir-rapport kien qal li kien irċieva xi ittri u anke appuntamenti għall-isptar fid-dar t’ommu u kienet hi li fetħitlu l-posta. Hu stqarr mal-Pulizija li għandu relazzjoni ħażina ma’ ommu tant li hemm proċeduri oħrajn għaddejjin bejnithom.

Fix-xhieda tiegħu, l-iben xehed li kienet ċemplitlu ommu u informatu li kien irċieva xi posta. Xehed li x’ħin wasal għandha, ommu qaltlu dettalji ta’ natura medika, u x’ħin staqsija kif taf din l-informazzjoni dwaru qaltlu li kienet fetħitlu l-ittri.

Mistoqsi mill-avukat difensur kif l-ittri waslu għand ommu u mhux għandu qal li dan kien żball fis-sistema tal-Gvern u li l-ittri tiegħu baqgħu jintbagħtu fid-dar ta’ ommu. Xehed li din ma kinitx l-ewwel darba li hu u ħuh irċevew xi ittra fid-dar t’ommhom.

Fix-xhieda tagħha l-omm qalet li kienet fetħet il-posta ta’ binha għax ma riditux jitlef l-appuntament li kellu.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace fis-sentenza tagħha qalet li l-akkużata setss ammettiet li fetħet l-ittri. Ġie nnutat ukoll li l-omm qalet li binha kellu jkun hu li jara li l-ittri ma jibqgħux jaslu fid-dar tagħha aktar u aktar li għandu relazzjoni ħażina magħha.

Il-Qorti qalet li l-ittri ngħataw lit-tifel u għalhekk l-omm m’għandhiex teħel ħabs. Għaldaqstant, hija mmultat €5,000.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport